Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Komunista, Kim Jong Un, ħareġ direttivi biex pajjiżu jtejjeb il-kapaċitajiet għal attakk nukleari permezz ta’ aktar provi.
Rapporti mill-istampa tal-pajjiż sostnew li Kim ħeġġeġ tisħiħ ta’ proġetti għal aktar provi li jinvolvu splużjonijiet ta’ materjal biex huma jevalwaw warheads nukleari li għadhom kemm kienu żviluppati. Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon qal li hu ‘imħasseb sew’ dwar is-sitwazzjoni.
Il-Mexxej Korean Komunista, jiem ilu, kien ikkwotat li l-Korea ta’ Fuq ‘adattat’ warheads nukleari għal-livell ideali biex ikunu inkorporati mal-missili ballistiċi.
Dan meta l-peniżola Koreana tinsab maħkuma mit-tensjoni, wara li l-Korea ta’ Fuq wettqet ir-raba’ prova nukleari f’Jannar, filwaqt li, ġimgħat wara, sparat rokit li jwassal fuq distanzi twal. L-azzjoni xprunat il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jaddotta riżoluzzjoni ġdida għal sanzjonijiet kontra r-reġim Korean fi Pyongyang.
//= $special ?>