Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, saħaq li l-governanza tajba hi essenzjali f’soċjetà demokratika u li l-politiċi jridu jiffukaw l-isforzi tagħhom biex l-ekonomija ta’ Malta u r-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż jilħqu livell ogħla.
Zahra kien qed jindirizza lil dawk miġbura għall-preżentazzjoni tar-riżultati, miġbura minn Deloitte, tal-aħħar tliet xhur tal-2015 għall-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin (MHRA).
Filwaqt li fisser is-sena 2015 bħala waħda li kienet tajba għall-industrija turistika, wissa li l-iljieli fl-istabbilimenti liċenzjati ma żdidux u esprima tħassib li ż-żidiet marru fi stabbilimenti li m’għandhomx liċenzji.
Fisser li l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva raw titjib fuq is-sena li għaddiet mil-lat ta’ rati tal-kmamar, b’mod speċjali wara xogħlijiet ta’ tisbiħ u titjib li ħafna għamlu fl-istrutturi tagħhom li ppermettulhom jgħollu bi ftit ir-rati mitluba. Qal li minkejja dan, parti sostanzjali miż-żieda fid-dħul mar għal iżjed pagi, spejjeż diretti, manutenzjoni fil-propjetà u spejjeż ta’ marketing.
Tony Zahra nsista mal-Gvern biex jibda kampanja aggressiva biex jindirizza l-kwistjoni ta’ akkomodazzjoni mhux liċenzjata, li qed joħolqu kompetizzjoni inġusta u jbaxxu l-livell tal-istabbilimenti f’Malta.
Ikkummenta wkoll dwar it-taxxa ġdida ta’ 50ċ kull lejl fuq kull turist li daħħal il-Gvern fil-Baġit li għadda u qal li wara ħafna laqgħat bejn l-MHRA u l-Gvern, jidher li qed joqorbu għal ftehim dwar kif se jinġabru dawn il-flus mit-taxxi u kif se jiġu amministrati. Zahra kkonferma li d-dħul tat-taxxa ġdida ġie pospost, aktarx għall-1 ta’ Ġunju.
Min-naħa l-oħra qal li ż-żieda ta’ ftit inqas minn 3% fl-aċċessibilità għal Malta matul din is-sena mistennija tagħti sena oħra pożittiva, bl-2016 tista’ tkun sena oħra rekord għal kemm jaslu turisti f’Malta.
//= $special ?>

