Lokali

L-MNPN tikkundanna l-attakk fuq Ann Fenech, jesprimi solidarjetà

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà, filwaqt li kkundanna l-attakk li qed isir fuq il-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech. Dan hu attakk mibni fuq gidba sfaċċata li hi intenzjonata li tintimida u tħammeġ li Ann Fenech waqt li tipprova tisposta l-attenzjoni minn fuq l-akbar skandlu politiku li qatt kien hawn f’Malta.

Fi stqarrija, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista qal li minbarra l-fatt li l-President tal-Kumitat Eżekuttiv mhix parti mill-Gvern u għalhekk m’hemmx lok għall-ebda abbuż, hi ma għandha l-ebda kumpanija fil-Panama bħalma fetħu bis-segretezza kollha l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

L-MNPN fakkar li kif ġie kkonfermat mill-Kap Eżekuttiv stess ta’ Fenlex Corporate Services, Ann Fenech inħatret Direttur fl-2005 meta l-aħħar kumpaniji f’isem klijenti twaqqfu u ġew irreġistrati fil-Panama fl-2003 u fl-2004. Dawn l-akkużi foloz u inġusti jikkonfermaw kemm dan il-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, inkompetenza u ingann.

L-MNPN qal li żgur li bl-ebda mod Ann Fenech mhi se tiġi influwenzata jew mfixkla mix-xogħol kbir u ta’ fejda li qed tagħmel fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.