Iktar kmieni din il-ġimgha fuq il-programm Dissett, Joseph Muscat inganna lin-nies billi stqarr li se jneħħi lil Konrad Mizzi jekk l-investigazzjoni issib il-flus fil-kumpanija ta’ Mizzi fil-Panama. Stqarrija bħal din hija xhieda tal-ingann, gideb u inkompetenza ta’ dan il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister Therese Comodini Cachia spjegat kif il-Prim Ministru qed jitratta n-nies ta’ ċwieċ għax il-Panama ma tagħtix informazzjoni dwar kumpaniji reġistrati għandha.
Biex jiġi assigurat dan, skond il-liġi li tirregola reġistrazzjoni ta’ kumpaniji internazzjonali fil-Panama, informazzjoni bħal audited accounts, annual returns u statements tal-bank, fost affarijiet oħra, li jikkumbattu kontra ħasil ta’ flus, mhux mitluba li jkunu sottomessi mill-kumpaniji.
Dan kollu, saħqet Comodini Cachia, sar b’mod intenzjonat li jipproteġi lil Mizzi, l-aktar Ministru viċin ta’ Muscat, wara li fetaħ kumpanija fit-tielet l-aktar pajjiż li jintuża għal ħasil ta’ flus fid-dinja, li huwa l-Panama.
Hi kompliet tgħid li din mhix kwistjoni ta’ jekk Mizzi huwiex sinjur jew le, iżda kwistjoni fuq kif Ministru u Deputat Mexxej ta’ Partit fil-Gvern għandu bżonn jiftaħ kumpanija f’pajjiż li jaħbi.
Dan jgħid ħafna fuq l-istandards li wiegħed li ser itejjeb Joseph Muscat fit-teatrin tal-ewwel tas-sena fuq il-korruzzjoni.
Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Noel Galea qal li l-Prim Ministru qed jilgħabha li mhux qed jifhem il-ħsara li dawn il-fatti fihom infushom qed jagħmlu lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u lill-industrija tal-financial services. Qed jilgħabha li mhux qed jifhem ukoll il-ħsara li qed jagħmel lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Galea sostna jgħid li l-Prim Ministru mhux qed jifhem li l-poplu irrabjat. Filwaqt li Muscat qed ifassal roadmap ta’ gideb biex isalva lilu innifsu u ta’ madwaru, cioe’ lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, għandna nies qegħdin jahdmu bi tlett xhur, tlett xhur fl-iskejjel tal-Gvern u fl-isptarijiet, b’pagi ta’ 600 Ewro fix-xahar; il-prezz tal-fuel jibqà għoli, u dawk il-persuni bil-minimum wage jibqgħu jnaqqru l-loqom filwaqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jibqà jiffanga. Flok keċċihom, qed jagħżel li jigdeb u jiddefendi lill tal-qalba b’mod assolut.
//= $special ?>

