Matul il-lejl li għadda u kmieni dalgħodu, dehru numru ta’ boroż tal-plastik suwed b’karti mqattgħin fihom barra l-uffiċċji tal-kumpanija Nexia BT. Dan kien żvelat mill-blogger Daphne Caruana Galizia, li fuq is-sit tagħha ppubblikat ritratti tal-boroż barra l-lift tal-kumpless fejn hemm Nexia BT.
Caruana Galizia rrappurtat li f’Nexia BT, għal xi raġuni, kienu qed jarmu diversi karti mqattgħin (‘shredded’) fil-boroż tal-plastik suwed. Jirriżulta li l-boroż mimlijin bil-karti mqattgħin inħarġu mill-uffiċini, tpoġġew fejn il-lift u mbagħat tniżlu bil-lift.
Nexia BT bħalissa tinsab fiċ-ċentru tal-Iskandlu Panamagate, filwaqt li ngħatat anke ammont konsiderevoli ta’ kuntratti kemm ilu l-Labour fit-tmexxija tal-pajjiż. Minkejja dan, sal-lum il-ġurnata, il-Gvern għadu ma qalx kemm tħallset Nexia BT għall-kuntratti li ngħatat.
Nexia BT hi l-kumpanija tal-awditjar tal-kumpaniji li kellu Keith Schembri, il-Grupp Kasco, kif ukoll tieħu ħsieb l-awditjar ta’ wħud mill-kumpaniji lokali li huma parti mill-Electrogas Consortium, li qed jibni l-Power Station il-ġdida f’Delimara.
(Ritratti: daphnecaruanagalizia.com)
//= $special ?>