L-ekskandidat tal-Partit Repubblikan, Ben Carson, ikkonferma li qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-eksrivali Donald Trump, li hu l-favorit li jikseb in-nomina tal-partit biex, f’Novembru, jikkontesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti kontra l-kandidat ewlieni tal-Partit Demokratiku.
Carson ikkonferma dan waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta ma’ Trump fi Florida u b’hekk sar it-tieni ekskandidat Repubblikan li ħareġ jappoġġja lil Trump, pubblikament, wara li kien ħa l-istess inizjattiva l-Gvernatur ta’ New Jersey, Chris Christie. Ben Carson hu newrokirurgu irtirat u, fl-aħħar jiem, iddeċieda li jirtira mit-tellieqa bejn ir-Repubblikani wara li naqas li jikseb appoġġ sinifikanti.
Donald Trump, li hu negozjant biljunarju minn New York, iddomina ħafna mill-primarji li saru s’issa fl-Istati Amerikani. Fil-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa, hu u l-kandidati Repubblikani l-oħra li qed jittamaw fin-nomina tal-partit kienu ltaqgħu fi Florida għat-12-il dibattitu f’din il-kampanja li xxandar għal udjenza televiżiva, mill-Università ta’ Miami.
Id-dibattitu kien preludju għall-primarji importanti tal-ġimgħa d-dieħla fl-Istati ta’ Florida, Illinois, Missouri, North Carolina u Ohio.
Donald Trump, fil-preżent, qiegħed jinsisti għall-għaqda, waqt li sostna li jista’ jkun flessibbli f’numru ta’ issues politiċi li hu ma speċifikax.
Madankollu, is-Senatur ta’ Florida, Marco Rubio, ħataf l-opportunità biex, f’Miami, jattakka lil Trump għall-fatt li hu kien qal li ‘l-Iżlam jobgħod lill-Amerika’.
Rubio, li għad għandu ċans żgħir għan-nomina tal-Partit Repubblikan, nhar it-Tlieta, se jiffaċċja eżami ‘li tħoll u torbot’ fil-primarji ta’ Florida. Intant, hu, waqt id-dibattitu, tenna li ‘filwaqt li l-Iżlam għandu problema bir-radikalizzazzjoni huwa minnu li hemm ħafna Musulmani kburin bil-fatt li huma ċittadini Amerikani.’
//= $special ?>