Id-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti qed iwissi biex friegħi li jintużaw waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, ikunu ħielsa mis-sintomu tal-Bumunqar l-Aħmar.
Id-Direttorat wissa biex siġar tal-palm li minnhom isir iż-żbir tal-friegħi, jiġu mbexxa b’pestiċidi adattati għal wara ż-żabra skont linji gwida li jinsabu fuq il-website tad-Direttorat. Spjega li dan it-trattament għandu jiġi ripetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex jiġu protetti bl-aħjar mod possibbli s-siġar tal-palm. Il-friegħi għandhom imbagħad jiġu maqtugħa żgħar kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqsu l-partijiet infettati li ġeneralment ikunu kkonċentrati fil-parti t’isfel tal-fergħa. Il-bażi minn fejn tkun inqatgħet il-fergħa għandha tiġi miżbugħa b’żebgħa apposta. Dan minħabba li l-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm jiġi attirat minn dan il-qtugħ frisk sabiex jiddepożita l-bajd.
Id-Direttorat ħeġġeġ għall-koperazzjoni tal-pubbliku biex id-drawwiet jitkomplew mill-ġenerazzjonijiet futuri filwaqt li fl-istess ħin jiġi kkontrollat dan il-mard.
Avża wkoll li għal aktar informazzjoni u gwida wieħed għandu jikkuntattja lill-Customer Care fi ħdanu
fuq 22926535 jew fuq freephone 80072310. Wieħed jista’ wkoll jagħmel kuntatt permezz tal-posta elettronika plantquarantine@gov.mt jew iżur is-sit uffiċjali tad-Direttorat: http://agriculture.gov.mt.


