Lokali

Appell għal azzjoni fil-qasam tal-anzjani

“Hu tajjeb li tikber l-ekonomija iżda dan m’għandux isir konsegwenza li jitnaqqsu s-servizzi offruti lill-anzjani, bħall-home help, bil-konsegwenza li dawn jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ faqar.”

Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-anzjani Robert Cutajar, li f’diskors waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Anzjani fakkar kif l-Oppożizzjoni hi pożittiva u pro attiva anke’ fil-qasam tal-anzjani tant li fil-liġi dwar stili ta’ ħajja sana u mard li ma jittiħidx, ħasbet ukoll fl-anzjani u d-day care centers.

Dan filwaqt li l-Oppożizzjoni ressqet emenda fil-liġi dwar il-kummissarji tal-anzjani biex dan jinħatar b’konsultazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-għan li jkun hemm kunsensus u l-ħidma ssir b’mod iktar effiċenti.

Irrimarka li f’pajjiżna hawn iktar minn 2,500 anzjan u anzjana li daħlu f’riskju tal-faqar u appella biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata mill-iktar fis possibbli kif ukoll biex il-Kunsill Nazzjonali għall-anzjani jagħmel pressjoni lill-Gvern biex ma jkomplux jiġi traskurat is-servizz għall-anzjani fil-komunità.

Tkellem ukoll dwar Għawdex, hekk kif il-Gvern fil-baġit wiegħed li jibni dar ġdida għall-anzjani, iżda vvota biss €60,000.