Il-Front Ħarsien ODZ, fi stqarrija, oġġezzjonat għall-pjanijiet il-ġodda biex jerġa’ jiġi żviluppat razzett tal-baqar abbandunat f’Wied Għomor f’San Ġwann. Il-pjan hu li jsir villaġġ turistiku ta’ madwar 13,000 metru kwadru ta’ art li jinkludu residenzi, pixxini, kappella, spa u pizzeria.
Il-Front qalet li żvilupp bħal dan se jwassal għal żieda fil-problemi ta’ traffiku u storbju f’żona fejn hi sippost protetta minħabba l-element ambjentali li fiha.
Il-Front qalet lill-MEPA sabiex timxi mad-deċiżjonijiet passati fejn kienu twaqfu applikazzjonijiet għall-żvilupp f’dan il-wied. Applikazzjoni simili fil-passat kienet proponiet il-bini ta’ 42 maisonette, iżda l-MEPA rrifjutat din it-talba tliet darbiet, f’1997, 1998 u fis-sena 2000.
F’dawn id-deċiżjonijiet il-MEPA kienet qalet li f’żona kkonservata bħal din, żvilupp li hu ta’ bżonn jew inkella li jkompli jsebbaħ u jtejjeb in-natura ta’ dan il-wied. L-istess MEPA kienet qalet li jekk dan il-bini eżistenti ikerrah l-ambjent ta’ dan il-wied, din għandha titneħħa.
Il-pjan lokali ta’ din iż-żona ukoll tgħid li ma jistax isir żvilupp li mhux kompatibbli mal-ambjent rurali tas-sit, li jipproteġi l-istat tal-wied u li joħnoq it-tgawdija ta’ Wied Għomor mill-pubbliku.
Front Ħarsien ODZ stqarret li se tkun ta’ spalla għar-residenti tas-Swieqi li dan l-aħħar ressqu appel kontra id-distruzzjoni ta’ Wied Għomor li hi ta’ pulmun għall-lokalitajiet urbani ta’ San Ġiljan, San Ġwann u Swieqi.
//= $special ?>

