Internazzjonali

Il-President tal-Brażil ma tridx tirriżenja…bil-kriżi tkompli

Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, insistiet li mhix se tirriżenja dwar allegazzjonijiet li hi mexxiet ħażin l-ekonomija. Dan meta fl-aħħar ġimgħat ittiedu passi lejn l-impeachment tal-President, li, min-naħa tagħha, qed takkuża lill-avversarji dwar kriżi politika li affettwat ħażin lill-ekonomija.

Il-Brażil, bħalissa, jinsab mheżżeż mill-iskandlu tat-tixħim ta’ politiċi tal-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern u fejn il-kumpannija nazzjonali taż-żejt Petrobras qed tidher implikata sew fil-każ. Il-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, fl-aħħar xhur, spiċċa taħt aktar pressjoni waqt li għaddejja investigazzjoni kbira dwar il-korruzzjoni – bil-kumpannija Petrobras fl-eqqel tagħha.

Dilma Rousseff anki qed tiddefendi lill-eks President Soċjalista tal-Brażil, Luiz Inacio Lula da Silva, kontra allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus u qalet li t-talbiet tal-prosekuturi għall-arrest tiegħu m’għandhomx bażi legali.

L-eks President Lula, fil-preżent, qed jistenna d-deċiżjoni ta’ mħallef dwar it-talba tal-prosekuturi biex hu jinżamm taħt arrest preventiv b’konnessjoni ma’ akkużi dwar ħasil ta’ flus.

Il-kriżi kkontribwiet għall-agħar riċessjoni fil-Brażil għal għexieren ta’ snin, iżda Rousseff qed isostni li ‘hi se tibqa taġixxi bħala President’ skont ir-rieda tal-poplu u ‘wara li hi kienet eletta b’sistema demokratika’.