Lokali

Keith Schembri allegat li xaħħam direttur tal-Allied Group

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, mill-ġdid taħt il-lenti hekk kif feġġu allegazzjonijiet serji ta’ tixħim u l-użu ta’ kumpaniji sigrieti barra minn Malta sabiex ma jkunx hemm traċċi ta’ dawn il-flus jibdlu l-idejn.

Is-Sibt waranofsinhar, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tkompli tiżvela fil-blog tagħha li Keith Schembri, l-id il-leminija ta’ Muscat, allegatament, ilu għal diversi snin ixaħħam lil wieħed mid-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group li fost oħrajn jippubblikaw il-gazzetti Times of Malta u Sunday Times fuq xiri ta’ prodotti u servizzi mill-kumpaniji ta’ Schembri, Kasco Group.

Caruana Galizia tkompli li xi snin ilu, Schembri u Hillman waqqfu kumpaniji f’pajjiż ieħor – mhux il-Panama – fejn is-segretezza wkoll hi waħda qawwija, fi struttura simili ħafna għal dik li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

Anki hawnhekk, il-kumpanija twaqqfu permezz tal-kumpanija tal-awdituri Nexia BT. Nexia BT hi l-istess kumpanija li waqqfet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għal Konrad Mizzi u Keith Schembri, u kumpaniji hawn Malta għan-nom ta’ biljunarju mill-Ażerbajġan li hu meqjus bħala kollaboratur ewlieni tad-dittatur tal-Ażerbajġan, il-President Ilham Aliyev.

Nexia BT hi wkoll il-kumpanija tal-awdituri li tieħu ħsieb il-finanzi tal-Grupp Kasco.

Sa issa, Joseph Muscat dejjem għażel li jiddefendi lil Keith Schembri, u meta mistoqsi jekk kienx jaf li għandu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands Muscat qal li kien jaf li għandu xi strutturi barra minn Malta.

Konrad Mizzi ammetta wkoll li kien Keith Schembri li qallu x’jagħmel biex jiftaħ kumpanija sigrieta l-Panama.
Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Bord tad-Diretturi ta’ Allied Group fetħu inkjesta dwar l-allegazzjonijiet serji li saru pubblikament fil-konfront tagħhom.

Dan wara li Daphne Caruana Galizia irrefferiet għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-kumpaniji fil-British Virgin Islands, fejn stqarret li l-Prim Ministru gideb ghax jaf li Keith Schembri kellu dawn il-kumpaniji f’ismu personali u mhux f’isem il-kumpanija Kasco.

Il-ġurnalista żiedet li hemm ħafna aktar wara din l-istorja li ma ġiex żvelat, u li jinvolvi l-imsemmija Allied Newspapers Ltd, u li jorbot ukoll mal-kredibilita’ tal-gazzetti waqt il-kampanja elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali, dik tal-2013.

Il-bord tad-diretturi wara l-laqgħa qalu li huma ddeċidew li jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet serji f’inkjesta indipendenti. Huma stqarru li din l-inkjesta hi miżura ta’ governanza tajba u li bl-ebda mod ma tfisser li dak li l-akkużi huma veri.

Il-bord iddeċieda li jappunta lil Michel Rizzo bħala aġent direttur maniġerjali. Hu se jieħu post Adrian Hillman sakemm tintemm l-investigazzjoni.