Internazzjonali

Rapporti li ‘għeb’ sottomarin tal-Korea ta’ Fuq

Rapporti mill-istampa Amerikana qalu li għeb sottomarin tal-Korea ta’ Fuq fost indikazzjonijiet li seta’ għereq. Ingħad li l-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti kienu qed jissorveljaw dan is-sottomarin meta ‘għeb f’daqqa’.

Mifhum li s-sottomarin kienu ilu l-jiem stazzjonat ‘il hinn mill-kosta tal-Korea ta’ Fuq komunista; bl-‘għajbien’ iseħħ fi żmien ta’ tensjoni akuta fir-reġjun waqt li l-qawwiet tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti jinsabu għaddejjin bl-akbar programm ta’ war games ( eżerċizzji militari) għal snin.

Il-Korea ta’ Fuq qed toħroġ diversi theddid ta’ gwerra b’konnessjoni mal-war games u sostniet li lesta ‘tattakka’ f’każ ta’ kwalunkwe sinjal ‘li qed titħejja xi invażjoni ta’ artha’.