Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) Mario Draghi qed jevalwa kif l-aħħar azzjoni mhux mistennija tal-Bank għandha taffettwa l-iżvilupp ekonomiku fiz-zona ewro. Dan wara li nhar il-Ħamis il-Bank reġa’ naqqas ir-rata prinċipali tal-imgħax minn 0.05% għal 0% bħala parti minn pakkett ta’ miżuri intiż li jagħti spinta lill-ekonomija taz-zona ewro. B’hekk issa r-rati tal-imgħax jinsabu f’livell baxx rekord.
Il-pakkett ta’ miżuri li tħabbar kien aktar radikali milli stennew l-investituri u r-reazzjonijiet tas-swieq kienu mħalltin. Bis-swieq Ewropej tal-ishma jieħdu daqqa ’l isfel imma l-ewro jissaħħaħ.
Meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Frankfurt, Mario Draghi qal li l-BĊE kien naqqas it-tbassir dwar l-inflazzjoni għaz-zona ewro biex jirrifletti l-aħħar tnaqqis konsistenti fil-prezzijiet taż-żejt globali.
Il-Bank issa qed jistma li l-inflazzjoni għal din is-sena tkun ekwivalenti għal 0.1% ħafna inqas mill-1% previsti qabel, bi Draghi jinsisti li “dan ma jirriflettix ċirkostanzi ta’ diflazzjoni”.
Minkejja li l-ewro ħa spinta ’il quddiem wara dawn il-miżuri għall-istimolu ekonomiku li ħabbar l-BĊE, aktar kmieni kien irreġistra tnaqqis inizjali fil-konfront tad-dollaru.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jespandi wkoll il-programm ta’ quantitative easing minn sittin biljun għal tmenin biljun ewro fix-xahar. Din l-iskema, issa, se tinkludi wkoll ix-xiri ta’ bonds ta’ kumpaniji u bonds tal-Gvern.
Il-Bank ħabbar ukoll li qed inaqqas r-rata tad-depożiti minn -0.3% għal -0.4%. Dan ifisser li l-banek se jkollhom iħallsu aktar biex jiddepożitaw il-flus mal-Bank Ċentrali Ewropew.
//= $special ?>