Internazzjonali

Tfajliet fi Franza interrogati dwar allegat kumplott terroristiku

L-awtoritajiet fi Franza fetħu investigazzjoni kriminali dwar żewġ tfajliet adolexxenti suspettati li kienu qed jippjanaw attakk simili għal ta’ Novembru, mill-ISIS, fuq l-arena tal-Bataclan, f’Pariġi.

It-tfajliet, ta’ 15 u 17 il-sena, kienu qed jibdlu l-messaġġi fuq Facebook dwar l-attakk ippjanat u fl-aħħar sigħat huma tressqu quddiem imħallef li jipproċessa każi ta’ terroriżmu. Mifhum li l-allegat kumplott kien għadu fi stadju bikri u ma nstabu l-ebda armi jew splussivi f’dan il-każ.

Franza għadha fuq stat ta’ allert għoli wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru mill-ISIS f’Pariġi fejn kienu nqatlu 130 persuna – 90 minnhom fil-kumpless tal-kunċerti tal-Bataclan.

Intant, l-ismijiet ta’ tliet terroristi li kienu ħadu sehem fl-attakki storiċi tal-ISIS fil-kapitali ta’ Franza jidhru f’dokumenti tal-ISIS li l-kontenut tagħhom għadu kemm ġie żvelat.

Rapporti tal-istampa Ġermaniża qalu li t-tlieta – Samy Amimour, Foued Mohamed-Aggad u Omar Ismail Mostefai, li mietu suwiċidati – ‘dakinar kienu strumentali’ fl-attakk terroristiku fatali fuq l-arena tal-Bataclan f’Pariġi waqt kunċert li kien qed jagħti grupp tal-heavy metal.