Esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) irrapurtaw lill-Kunsill tas-Sigurta’, li bastimenti qed joperaw mill-Libja u jġibu l-konsenja ta’ fjuwil lejn Malta.
Skont l-istess rapporti, l-moħħ wara dan kollu huwa l-Libjan Fahmi Ben Khalifa li għandu kumpanija ADJ Trading flimkien mal-eks footballer tan-nazzjonal Malti Darren Debono u raġel ieħor Eġizzjan.
In-Nazzjonijiet Magħquda tistqarr li huma jinsabu infurmati bl-operat tal-kumpanija ADJ Trading dwar l-kuntrabandu ta’ fjuwil, u żiedu jgħidu wkoll li l-awtoritajiet Maltin jafu b’din l-attivita’ kummerċjali.
Fl-imsemmi rapport, hemm ukoll dettalji tal-proċess tal-operazzjoni. Huma qalu li l-bastimenti jitilqu bejn 40 u 60 mil nawtiku mill-kosta Libjana, fejn imbagħad jitfu s-sistema awtomatizzata ta’ identifikazzjoni. Wara li l-bastiment jitabba bil-konsenja, huma jirritornaw Malta. Il-vapuri jiefqu barra mill-ibħra Maltin, madwar 12-il mil nawtiku l-bogħod mill-ixtut Maltin fejn hemmhekk il-fjuwil jitqassam f’bastimenti iżgħar biex li jiġu lura lejn pajjiżna.
//= $special ?>