Lokali

FILMAT: “Sitwazzjoni gravi u bla preċedent” – Simon Busuttil

“Pajjiżna qed isejħilna. Ilkoll għandna d-dmir li nwieġbu biex noħorġu lil pajjiżna mis-sqaq li daħluna fih” – Simon Busuttil

“Dak li qed jiġri b’pajjiżna huwa gravi u bla preċedent. Qatt ma ġrat li kellna allegazzjonijiet ta’ imġieba korrotta direttament fil-qalba ta’ Kastilja, li jolqtu liż-żewġ persuni l-aktar qrib tal-Prim Ministru u li allura jolqtu lill-Prim Ministru nnifsu.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’messaġġ li xxandar u li fih, Simon Busuttil ddikkjara li l-poplu kollu qed jiddependi fuq l-awtoritajiet biex jagħmlu d-dover tagħhom, u jittieħdu passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.

“Indur fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu, fuq kull min huwa ta’ rieda tajba, fuq kull min hu patrijott. F’ġieħ is-sewwa, ejja noħorġu lil pajjiżna minn dan l-isqaq li daħluna fih” sostna Simon Busuttil li qal li qed joffri li jnaddaf il-politika f’pajjiżna darba għal dejjem bi Gvern Alternattiv.

Fil-messaġġ tiegħu, Simon Busuttil indirizza wkoll lin-nies influwenti fil-pajjiż, fosthom il-politiċi, il-mexxejja tal-korpi kostitwiti, tat-trade unions, tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, in-nies fin-negozju, l-akkademeċi, il-professjonisti u l-ġurnalisti u sostna li “f’ġieħ is-sewwa, issa huwa l-mument li tqumu u ssemmgħu leħinkom. Qabel ma nkomplu niżżerżqu f’din it-tiġrija lejn il-qiegħ.”

Fl-isfond tal-iskandlu tal-Panama, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, pajjiż magħruf għall-ħabi tal-flus. Hu fakkar li dawn il-kumpaniji sigrieti nfetħu meta jinsabu fil-poter.

“Dawn il-kumpaniji jinfetħu biex tpoġġi l-flus fihom. Kulħadd kapaċi jasal għall-konklużjoni waħdu” sostna Simon Busuttil.

Dwar Keith Schembri, Simon Busuttil fakkar li dan hu l-Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru li minn taħtu jgħaddi kollox. “Huwa l-moħħ wara Joseph Muscat. Huwa l-Prim Ministru wara l-Prim Ministru” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu inutli li l-Prim Ministru jibqa’ jibqa’ jipprova jiżvija l-argument. “ Issa daqshekk daħk fil-wiċċ. Il-fatt BISS li nfetħu huwa diġà biżżejjed biex dawn it-tnejn itiru minnufih. U le, Prim Ministru, mhux billi ġejt tgħidilna li se tagħmel audit. M’għandekx bżonn audit biex tgħidlek li huwa ħażin li tiftaħ kumpanija f’pajjiż black-listed bħal Panama meta tkun Ministru jew meta tkun Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kull m’għandek bżonn sens komun” tenna Simon Busuttil.

Fil-messaġġ tiegħu Simon Busuttil fakkar fl-allegazzjonijiet ġodda u gravi ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri fejn qed jingħat li allegatament ħasel flejjes biex jikkorrmpi persuna f’Allied Newspapers. Simon Busuttil irrimarka li Allied Newspapers tat eżempju ta’ serjeta’ billi ssospendiet minnufih lill-persuna konċernata sakemm isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa. Dan għall-kuntlarju tal-Prim Ministru li l-anqas biss tkellem jew irreaġixxa, aħseb u ara kemm neħħa lil Keith Schembri.

F’messaġġ dirett lill-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Muscat qed jonqos bil-kbir mid-doveri tiegħu meta mhux talli jħalli lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi f’posthom iżda talli baqa’ jiddefendiehom. “Dan ifisser li int, Prim Ministru, mhux kapaċi tagħraf id-differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Mela int, Prim Ministru responsabbli daqshom” iddikkjara Simon Busuttil, li temm jgħid li l-pajjiż qed isejħilna u li għaldaqstant, ilkoll għandna d-dmir li nwieġbu.