Lokali

Id-differenza bejn il-PN u l-PL hija ta’ 0.8% – L-aktar stħarriġ riċenti

Simon Busuttil igawdi l-ogħla fiduċja minn mindu nħatar Kap tal-PN – Stħarriġ tal-Malta Today

Id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista waqgħet għal 0.8% skont l-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday ippubblikat illum.

Fl-istħarriġ, il-pubbliku kien mistoqsi dwar liema partit jivvutaw jekk issir elezzjoni għada, bl-istħarriġ jikkonkludi li 33.5% jgħidu li jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista filwaqt li 34.3% jivvutaw lill-Partit Laburista. Dan ifisser differenza ta’ 0.8%.

L-istħarriġ juri wkoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed igawdi mill-ogħla fiduċja minn mindu nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li Joseph Muscat qed igawdi l-inqas livell ta’ fiduċja li qatt ġie rreġistrat fi stħarriġ bħal dan.

L-istħarriġ tal-Malta Today juri li Simon Busuttil żied 4% fil-fiduċja li jgawdi mill-elettorat biex issa d-differenza fil-fiduċja li jgawdu ż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi hija ta’ 3.6 punti perċentwali.

L-istħarriġ juri li għall-ewwel darba, in-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013, għandhom iktar fiduċja f’Simon Busuttil milli f’Joseph Muscat. Filwaqt li 27% tan-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013 qalu li issa għandhom iktar fiduċja f’Simon Busuttil, huma biss 23% li qalu li jafdaw iktar lil Joseph Muscat.

L-istħarriġ tal-Malta Today juri li l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama kienu daqqa ta’ ħarta għall-kredibilità ta’ Joseph Muscat. Jidher li dawk li l-iktar li tilfu l-fiduċja tagħhom f’Joseph Muscat kienu n-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013tant li l-istħarriġ juri li n-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013 jippreferu lil Joseph Muscat naqsu minn 39% għal 23% – li jissarraf fi tnaqqis ta’ 17%.

L-istħarriġ jindika wkoll ċifri interessanti dwar l-għażliet elettorali. Jidher li anke hawn l-ikbar bidliet seħħew f’dawk in-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013. Mill-kategorija tagħhom, huma biss 20% li llum jerġghu jivvotaw lill-Partit Laburista – tnaqqis ta’ 13% mill-aħħar xahar. L-istħarriġ juri wkoll qabża kbira fin-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013 li issa se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista – minn 25% fl-aħħar stħarriġ għal 32%. Dan juri li n-nies li vvutaw lill-PN fl-2008 imma l-PL fl-2013, se jkunu qed jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista żdied minn 12% għal 32% fi żmien sena. Dan ifisser li issa wieħed minn kull tliet switchers qed jerġa’ jafda lill-Partit Nazzjonalista.