Internazzjonali Kurżitajiet

Isostni li ġibed ritratt ‘ta’ UFO’ fl-Iskozja

Pensjonant fl-Iskozja qed jinsisti li rnexxielu jiġbed ritratt ‘ta’ UFO’ li qal kien qed idur għal ftit minuti viċin id-dar tiegħu qabel għeb mill-inħawi.

Ir-ritratt inġibed fiz-zona ta’ Rossie Ochil, f’Pertshire, u jingħad li l-oġġett misterjuż kien jixbaħ ħafna s-spacecraft tal-aljeni fil-film Close Encounters of the Third Kind ta’ Steven Spielberg.

Il-pensjonant, John Macdonald, hu konvint ‘li kien fil-preżenza ta’ UFO li wasal sa ftit għexieren ta’ metri ‘il fuq minnu’. Ir-raġel ta’ 65 sena jemmen f’din l-esperjenza ‘definittiva’ u ma jafx jekk (dak il-ħin) beżax jew le, minħabba li l-UFO telaq minn hemm f’ħakka t’għajn

L-esperjenza ta’ Macdonald seħħet fil-lejl tal-Ħadd meta hu kien qed isuq il-jeep tiegħu ‘u meta hu ma baqax jisma l-magna tal-karozza proprju minħabba l-ħoss ta’ dan l-oġġett’. Hu, wara, ċempel lil ħabib tiegħu – rgħaj li jgħix fil-qrib – u li qallu ‘biex ma jinkwetax għaliex affarijiet bħal dawn huma normali għal dawk l-inħawi’.

Issemmiet il-possibbiltà li l-oġġett misterjuż li ra Macdonald seta’ kien drone, iżda l-Awtorità għall-Avjazzjoni Ċivili qalet li filwaqt li hu possibbli li wieħed itajjar drone fid-dlam, hu ferm diffiċli li xi ħadd jikkontrolla inġenju simili ta’ dak il-kobor. Dan meta l-persuna li tikkontrolla drone ma tistax tara l-ostakoli mhumiex imdawwlin, matul il-lejl.

Min-naħa tiegħu, John Macdonald ma jridx jaf bi spjegazzjonijiet li jwaqqgħulu l-argument u jinsisti li l-esperjenza tiegħu kienet ‘ta’ barra minn din id-dinja’.