Lokali

Keith Schembri jiċħad l-akkużi kontrih u jgħid li qed jaħdem biex il-Gvern jagħmel id-differenza

19-siegħa wara li feġġu allegazzjonijiet serji ta’ tixħim fil-konfront ta’ Kieth Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ħareġ stqarrija biex jiċħad dawn l-allegazzjonijiet kontrih.

Fi stqarrija, Keith Schembri rrefera indirettament għal storja li kienet żvelata mill-blogger Daphne Caruana Galizia, li fiha allegat li Keith Schembri, l-id il-leminija ta’ Muscat, allegatament, ilu għal diversi snin ixaħħam lil wieħed mid-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group li fost oħrajn jippubblikaw il-gazzetti Times of Malta u Sunday Times fuq xiri ta’ prodotti u servizzi mill-kumpaniji ta’ Schembri, Kasco Group.

Caruana Galizia tkompli li xi snin ilu, Schembri u Hillman waqqfu kumpaniji f’pajjiż ieħor – mhux il-Panama – fejn is-segretezza wkoll hi waħda qawwija, fi struttura simili ħafna għal dik li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

Fl-istqarrija tiegħu, Keith Schembri qal li hu ċar li hemm min ma jistax jirribattih politikament, u għaldaqstant qed jipprova jolqot l-interessi kummerċjali tiegħu permezz ta’ gideb u qerq.

Keith Schembri qal li qabel daħal fil-politika, hu telaq mill-pożizzjonijiet eżekuttivi u beda jaħdem biex Malta jkollha Gvern li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Fl-ebda parti tal-istqarrija ma qal li se jkun qed jiftaħ xi libell biex jirribatti dawn l-allegazzjonijiet.