“Kuntarju għal dak li qed jallega l-Partit Laburista, jien m’għandi ebda interess dirett fit-‘Times of Malta’. Jiena m’iniex Direttur fl-Allied Newspapers Limited jew fil-kumpaniji sussidjarji tagħha, u m’għandi l-ebda rwol eżekuttiv fl-istess kumpaniji. Lanqas ma jien xi shareholder f’dawn il-kumpaniji”.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fi tweġiba li ħareġ ilbieraħ għal allegazzjonijiet li għamel il-Partit Laburista dwaru fi stqarrija.
De Marco spjega li hu jservi bħala membru wieħed minn fost ħamsa tal-Kunsill Amministrattiv ta’ ‘The Strickland Foundation’ li għandha funzjoni pubblika u li hija shareholder f’Allied Newspapers.
Spjega wkoll li d-ditta legali Guido de Marco & Associates, li tagħha hu membru, hija waħda mid-ditti legali li jagħtu pariri lill-istess grupp.
“Għalhekk”, qal Mario de Marco, “m’għandi ebda rwol eżekuttiv fid-deċiżjonijiet maniġerjali jew editorjali fl-Allied Newspapers u l-ġurnal tiegħu,” waqt li kompla jispjega li bħala membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Fondazzjoni Strickland – li għandha bħala oġġettiv il-ħarsien tad-demokrazija f’pajjiżna u d-drittijiet tal-bniedem – iżda fuq kollox bħala ċittadin Malti li jemmen fil-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, għandu interess li l-indipendenza u l-kredibbiltà tat-‘Times’ tibqa’ dejjem rispettata u salvagwardjata.
“Ikun aħjar li l-Partit Laburista jindirizza l-mistoqsijiet tiegħu lill-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, li fil-konfront tagħhom hemm numru ta’ allegazzjonijiet serjissimi,” temm jgħid Mario de Marco.
//= $special ?>

