Il-grupp militant Kurd, il-PKK, u l-al-Qaeda, aktarx kienu wara l-attakki terroristiċi ta’ nhar il-Ħadd fit-Turkija (ritratt) u l-Kosta tal-Avorju, attakki li ħallew 36 persuna mejta fit-Turkija u 14-il vittma fil-Kosta tal-Avorju.
Fil-waqt li l-al-Qaeda ħadu r-responsabbilta tal-attakk fil-Kosta tal-Avorju, għal dak ta’ Ankara s’issa ħadd ma ħa r-responsabbilta imma s-ssupetti huma fil-grupp militanti Kurd tal-PKK.
Ftit sigħat biss wara l-attakk suwiċida f’Ankara, il-Gvern Tork ta bidu għal bumbardament qalil ta’ qagħdiet tal-PKK fit-Tramuntana tal-Iraq. L-attakk seħħ qrib venda ewlenija tal-karozzi tal-linja f’Ankara u li tintuża minn ħafna ħaddiema ta’ Ministeri tal-Gvern fil-qrib.
Fl-attakk ta’ nhar il-Ħadd f’Grand Bassam, zona turistika popolari fil-Kosta tal-Avorju. Waqt l-attakk tal-anqas sitt terroristi fetħu n-nar fuq turisti fir-resort turistiku ta’ L’Etoile du Sud. Fost il-vittmi hemm erba’ barranin, inkluż ċittadin mill-Ġermanja u ieħor minn Franza.
L-al-Qaeda ħarġet stqarrija f’erba’ lingwi – l-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol -tieħu r-responsabbiltà għall-attakki f’Grand Bassam, sinjal li l-grupp qed jipprova jerġa’ jistabilixxi ruħu fix-xena internazzjonali wara li ħafna mill-attenzjoni marret fuq l-ISIS.
Sadattant f’Ankara sorsi fil-Gvern qalu li fost it-tnejn li wettqu l-attakk kien hemm mara minn Kars li mietet fl-attakk u li kellha rabtiet mal-PKK.
Il-grupp tal-ISIS ukoll wettaq attakki f’Ankara tul dawn l-aħħar xhur. Ix-xahar li għadda sar attakk suwiċida tul konvoj militari f’Ankara li ħalla 28 persuna, kważi kollha suldati, mejta. Ir-responsabbiltà ta’ dan l-attakk ittieħed mill-TAK, grupp militanti ieħor Kurd. Imma l-Gvern Tork kien ta t-tort lil grupp ieħor ta’ Kurdi, il-YPG, li hu l-forza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ISIS fis-Sirja.
F’Ottubru li għadda aktar minn 100 persuna nqatlu f’attakk suwiċida waqt rally favur il-paċi organizzat minn grupp Kurd.
Aktarx il-PKK u l-al-Qaeda wara l-attakki terroristiċi ta’ nhar il-Ħadd
