Ambjent

Għaqdiet jikkundannaw preżentazzjoni mill-MEPA lill-iżviluppaturi

Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta) u Ramblers ikkundannaw l-aġir tal-MEPA b’rabta mat-tnedija tal-aħħar liġi dwar riforma, li tinkludi wkoll il-qasma bejn l-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-awtorità.

It-tliet għaqdiet qalu li bil-maqlub ta’ kif iseħħ is-soltu, dan il-pass importanti ġie mniedi fi preżentazzjoni li kienet limitata biss għall-iżviluppaturi u l-periti u eskludiet lis-soċjetà ċivili. Din hi vjolazzjoni ċara tal-liġijiet Ewropej, saħqu l-għaqdiet, li jistipulaw li s-soċjetà ċivili għandha tkun rappreżentanta mill-għaqdiet ambjentali li għandhom ikunu involuti f’temi ambjentali u ta’ ippjanar.

It-tliet għaqdiet qalu li minbarra l-esklużjoni mill-proċess tal-ippjanar, il-MEPA kisret ukoll proċeduri tal-UE fi proġetti kbar bħal dawk tat-torrijiet tal-Imrieħel, li ġew inklużi fil-policy FAR wara li kienet intemmet il-konsultazzjoni pubblika. Dan, saħqu, ċaħħad lil dawk konċernati mill-opportunità li jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar dawn l-inħawi. L-għaqdiet iddeskrivew il-wegħda tal-MEPA għal konsutazzjoni pubblika oħra bħala travestija ta’ proċeduri korretti dwar l-ippjanar u nsistew li żvilupp ta’ dan il-kobor m’għandux jiġi deċiż qabel jifasslu linji-gwida ġodda.

Tennew ir-raġunijiet kontra l-iżvilupp fl-Imrieħel fosthom l-interferenza li se tinħoloq fil-veduta fit-tul bejn il-Belt Valletta u l-Imdina, il-ħolqien ta’ ferm iktar traffiku f’toroq li diġà jbatu minn konġestjoni f’ċerti sigħat tal-ġurnata, u ż-żieda qawwija fit-tniġġiż bil-konsengwenzi fuq is-saħħa.

L-għaqdiet qalu wkoll li d-disprezz li għandha l-MEPA lejn is-soċjetà ċivili qed tidher fil-mod kif qed tittrata applikazzjoni għall-bini fuq art agrikola f’ODZ fis-Siġġiewi. Huma saħqu li quddiem ittra li tidher ovvja li hi frodi, u li kienet kruċjali biex l-applikazzjoni ġiet approvata, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħa xahrejn biex “jinvestiga” u issa ppreżenta l-konklużjonijiet lill-MEPA wara li skada ż-żmien biex jibda x-xogħol fuq il-post.

L-għaqdiet saħqu li la Galdes u lanqas il-MEPA ma kellhom għaġġla biex jippubblikaw ir-rapport jew il-konklużjonijiet dwar, dik li tennew, ittra frodulenti, u sadattant għaddej ix-xogħol fil-post li huma ddeskrivew bħala monument għad-disprezz ta’ Galdes u tal-MEPA lejn is-soċjetà ċivili.

Filwaqt li staqsew lill-MEPA u lill-Gvern jekk jimpurtahomx mil-legalità u mis-saħħa tar-residenti, it-tliet għaqdiet fakkru lill-Gvern li Malta hi magħmula minn iktar minn 450,000 resident u voti, u mhux biss mill-ftit mijiet ta’ żviluppaturi li l-interessi tagħhom jippromwovu.