…iżda ma jridx ibiddel il-liġi għal Marlene Farrugia biex tinħatar Chairperson tal-Kumitat Ambjentali
Il-Gvern Laburista llum ma jridx ibiddel il-liġi biex Marlene Farrugia tinħatar Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent iżda bidel il-liġi mill-ewwel fil-bidu tal-leġiżlatura biex id-Deputati Laburisti Deo Debattista, Luciano Busuttil, Charles Buhagiar, Charles Mangion, Silvio Schembri, Silvio Parnis, Joe Debono Grech u Anthony Agius Decelis jinħatru Chairpersons f’entitajiet tal-Gvern jew f’karigi għolja fl-entitajiet tiegħu.
Din il-kritika għamilha llejla fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus fid-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Gvern biex jaħtar lid-Deputat Laburista Franco Mercieca bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Fil-bidu tad-dibattitu, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li fetaħ u għalaq id-dibattitu f’isem il-Gvern fin-nuqqas tad-Deputat Prim Ministru Lewis Grech, qal li l-Gvern qed iressaq din il-mozzjoni skont il-liġi li waqqaf Gvern preċedenti u li tirregola t-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent li mhux regolat mill-ordnijiet tal-Kamra iżda minn liġi.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, filwaqt li saħaq li l-kredibbiltà ambjentali tal-Gvern hi zero, qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni biex tinħatar Marlene Farrugia għaliex matul dawn it-tliet snin li għaddew tkellmet b’mod indipendenti favur l-ambjent.
Il-Gvern Laburista ma tgħallem xejn mill-iżbalji li wettaq fl-ambjent
Il-pożizzjoni tal-Gvern li ma jridx lil Marlene Farrugia, turi li l-Gvern Laburista ma tgħallem xejn mill-iżbalji li wettaq fl-ambjent fl-aħħar tliet snin.
Semma kif fl-aħħar sena, Marlene Farrrugia tkellmet kontra l-qerda tal-ODZ fiż-Żonqor, kontra li jidgħajjef l-ambjent bil-liġijiet ambjentali li għadda l-Gvern, ikkritikat lill-Gvern li ma żammx mal-wegħdiet elettorali fit-twaqqif tal-Kumitat Ambjentali, u laqgħet it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Kumitat Ambjentali jiskrutinja r-rapport li sar mill-MEPA dwar l-għażla taż-Żonqor.
Ryan Callus qal li bil-mozzjoni li ppreżenta mill-Gvern biex jinħatar Franco Mercieca, rajna lill-Gvern jgħid lil Marlene Farrugia “Thanks but no thanks”.
F’dan il-mument li fih il-Gvern qed juri li għandu kredenzjali zero fil-qasam ambjentali, Ryan Callus qal li jeħtieġ li f’dan il-Kumitat ikun hemm persuna kredibbli u li hi ta’ fiduċja tal-għaqdiet mhux governativi u ambjentali – persuna li kapaċi tgħid le lill-Gvern meta jkun qed jiżbalja fl-ambjent, kif kellna ħafna żbalji fl-aħħar tliet snin.
Sejjaħ in-nomina tal-Gvern bħala waħda li mhix fl-interess tal-vuċ ambjentali fi żmien li l-MEPA hi maħtufa mill-Gvern Laburista. Fisser il-Kumitat Ambjentali bħala l-uniku ħajja li għandhom biex isemmgħu leħinhom l-għaqdiet ambjentali u NGOs. Staqsa għalfejn mhix se tinżamm bħala President tal-Kumitat Ambjentali meta l-Gvern stess ftaħar li l-Kumitat tlaqqa’ 21 darba. Irrimarka li dawn il-laqgħat ma sarux bl-inizjattiva tal-Gvern.
Bla Direttur tal-Ambjent għal erba’xhur
Ryan Callus ikkritika lill-Gvern li wara erba’ xhur li għaddiet il-Liġi dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għadna bla Direttur tal-Ambjent. Bħala membru f’isem l-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA, Ryan Callus fisser kif il-Bord iddiskuta l-proċess tal-għażla tad-Direttur tal-Ambjent u kien hemm diversi applikazzjonijiet ta’ nies li huma denji għall-kariga.
Spjega li hu nkwetanti ħafna kif il-persuna li ġiet short listed, u nominata mill-Bord biex tkun Direttur tal-Ambjent, hi persuna b’esperjenza fl-ippjanar meta kien hemm kandidati oħrajn b’esperjenza u bi kredenzjali fl-ambjent, u b’karigi għolja fid-Direttorat tal-Ambjent kif imwaqqaf illum. Iddikjara li ma qabilx ma’ din in-nomina, bħalma wkoll kienu persuni oħrajn b’karigi għolja fil-MEPA li ma qablux mal-għażla għal din il-kariga importanti.
Filwaqt li rrimarka li din in-nomina issa qiegħda f’idejn il-Ministru Leo Brincat, Ryan Callus appella lill-Ministru għall-Ambjent jieħu f’idejh ir-responsabbiltà. “Stand up to be counted għax din hi okkażjoni oħra biex il-Gvern juri li mhux jinjora l-vuċi tal-għaqdiet mhux governattivi”, saħaq id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus.
Il-Gvern jivvota għat-tieni darba kontra wegħda elettorali tiegħu stess
Irrimarka li l-Gvern, fil-Parlament qiegħed għat-tieni darba jivvota kontra wegħda elettorali tiegħu stess meta qiegħed jerġa’ jivvota kontra emenda tal-Oppożizzjoni li qed tgħid kelma b’kelma dak li l-Partit Laburista wiegħed lill-elettorat – dak biex il-Kumitat Ambjentali jitwaqqaf fuq l-istess mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi bil-maġġoranza tibqa’ tal-Gvern iżda bi tmexxija tal-Oppożizzjoni.
Ikkritika lill-Gvern li qiegħed jimxi mal-liġi u ma jridx ibiddel il-liġi, iżda mhux qed jimxi mal-manifest elettorali li wiegħed li jbidddel il-liġijiet. Għar-rimarki tal-Ministru Leo Brincat li ma jaqbilx li l-Kumitat Ambjentali jimxi fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Ryan Callus staqsa lill-Ministru Brincat fejn kien meta l-Partit Laburista daħħal fil-wegħdiet elettorali tiegħu li jibdel il-Kumitat Ambjentali u ddikjara dan fil-manifest elettorali tiegħu li fuqu kien elett fil-Gvern.
//= $special ?>