Lokali Parlament

Il-Gvern ivvota kontra Marlene Farrugia biex tinħatar Chairperson tal-Kumitat Ambjentali

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia u l-Whip ta-Gvern Godfrey Farrugia ma kinux preżenti għad-dibattitu u l-vot fil-Parlament

Il-Gvern fil-Parlament ivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex Marlene Farrugia tinħatar Chairperson tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u vvota favur il-ħatra tad-Deputat Laburista Franco Mercieca bħala Chairperson tal-Kumitat Ambjentali, u biex il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia jinħatar membru fuq l-istess Kumitat.

Fl-votazzzjonijiet li saru llejla fi tmiem id-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Gvern biex jinħatar Franco Mercieca bħala Chairperson tal-Kumitat Ambjentali, u biex jinħatar il-Whip tal-Gvern u Deputat Laburista Godfrey Farrugia bħala membru fuq l-istess Kumitat Parlamentari, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia ma kinux preżenti.

Il-Gvern ivvota kontra wkoll emenda tal-Oppożizzjoni biex titwettaq il-wiegħda li għamel il-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali tiegħu biex dan il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent jinbidel u jsir fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, b’erbgħa membri tal-Gvern u tlieta tal-Oppożizzjoni, iżda biċ-Chairperson magħżul mill-Oppożizzjoni.

Fid-dibattitu tal-lejla, ix-Shadow Minister Marthese Portelli saħqet li l-Oppożizzjoni qed tinnomina lil Marlene Farrugia għaliex hi persuna denja, bi grinta u għaliex quddiem il-mument tal-prova, aġixxiet fl-aħjar interess tal-pajjiż biex issalvagwardat l-ambjent.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ikkritka lill-Gvern Laburista li llum ma jridx ibiddel il-liġi biex Marlene Farrugia tinħatar Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, iżda bidel il-liġi mill-ewwel fil-bidu tal-leġislatura biex id-Deputati Laburisti Deo Debattista, Luciano Busuttil, Charles Buhagiar, Charles Mangion, Silvio Schembri, Silvio Parnis, Joe Debono Grech u Anthony Agius Decelis jinħatru f’Chairpersons f’entitajiet tal-Gvern jew f’karigi għolja fl-entitajiet tiegħu.

Għan-naħa tal-Gvern tkellmu fid-dibattitu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li ressaq il-mozzjoni minflok id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, liema Ministru Zammit Lewis fetaħ u għalaq id-dibattitu għall-Gvern; il-Ministru għal–Ambjent Leo Brincat, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u d-Deputat Laburista Franco Mercieca.