Lokali

L-Awditur Ġenerali se jkun l-Ombudsman il-ġdid

Bi qbil mal-Oppożizzjoni, il-Gvern se jinnomina lill-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud bħala l-Ombudsman il-ġdid. Dan ħabbru l-Gvern fi stqarrija, fejn tfakkar li fil-jiem li għaddew skada t-tieni terminu tal-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino bħala Ombudsman.

Fit-tmexxija tal-NAO, minflok Mifsud mistenni jinħatar Charles Deguara, filwaqt li Noel Camilleri mistenni jinħatar Deputat Awditur Ġenerali. Anthony Mifsud ukoll kien fi-tieni terminu bħala Awditur Ġenerali, filwaqt li fil-passat serva wkoll fl-ogħla karigi fis-servizz pubbliku.

Fl-istqarrija ngħad li minħabba li dawn il-ħatriet jeżiġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, saru bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-vot formali mistenni jittieħed fis-seduta tal-Erbgħa li ġej.