… u biex jivvota favur il-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista biex il-Kumitat Ambjentali jinbidel u jsir fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jivvota favur il-ħatra ta’ Marlene Farrugia bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u biex jivvota wkoll favur il-wiegħda li għamel il-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali tiegħu biex dan il-Kumitat Parlamentari jinbidel u jsir fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, b’erbgħa membri tal-Gvern u tlieta tal-Oppożizzjoni, iżda biċ-Chairperson magħżul mill-Oppożizzjoni.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Trasport u Enerġija, Marthese Portelli, ipproponiet dan fil-Parlament illejla, u appellat lill-Gvern biex jivvota favur il-proposti tal-Oppożizzjoni hekk kif ippreżentat emendi għall-mozzjoni tal-Gvern.
Fil-mozzjoni tiegħu, il-Gvern qiegħed jipproponi li jaħtar lid-Deputat Laburista u eks-Segretarju Parlamentari Laburista Franco Mercieca bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u lid-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, bħala membru fil-Kumitat minflok Franco Mercieca minħabba li se jinħatar Chairperson.
Għal dan id-dibattitu, id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia u d-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia ma kinux preżenti fil-bidu tad-dibattitu li fetaħ b’diskors tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fin-nuqqas tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech, u li kien ippreżenta l-mozzjoni tal-Gvern fil-Parlament f’Jannar li għadda.
Fit-tmiem id-dibatitu tal-lejl, hu mistenni li jittieħed vot fuq l-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni biex tinħatar Marlene Farrugia bħala Chairperson ta’ dan il-Kumitat, u biex jinbidel il-mudell tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent; u fuq il-mozzjoni li qiegħed jippreżenta l-Gvern biex jaħtar lil Franco Mercieca fit-tmexxija tal-Kumitat Ambjentali.
Marthese Portelli saħqet li l-Oppożizzjoni qed tinnomina lil Marlene Farrugia għaliex hi persuna denja u għaliex quddiem il-mument tal-prova, aġixxiet fl-aħjar interess tal-pajjiż biex issalvagwardat l-ambjent.
Ix-Shadow Minister staqsiet għalfejn qiegħed ibiddel formula li qed taħdem. Staqsiet jekk il-Gvern iridx ibiddel iċ-Chairperson għaliex Marlene Farrugia m’għadhiex membru tal-Gvern li qabel l-elezzjoni kien wiegħed li “kulħadd jista’ jaħdem magħna”?. Staqsiet ukoll x’għamlet ħażin Marlene Farrugia u fejn mexxiet ħażin? Staqsiet li se titneħħa għaliex tat iċ-ċans u l-vuċi lis-soċjetà ċivili? Appellat li jekk irridu politika għan-nies irridu nħallu lin-nies isemmgħu leħinhom u l-politiċi jisimgħu.
Dwar in-nomina tal-Gvern favur id-Deputat Laburista Franco Mercieca, Marthese Portelli ressqet diversi mistoqsijiet. Filwaqt li staqsiet jekk hux lest li jkun imparzjali għalkollox fit-tmexxija tal-Kumitat, irrimarkat li dwar dan għandha dubju serji għaliex bħala membru fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent dejjem ġibed il-linja tal-Gvern anke jekk mhux dejjem emmen u ħass hekk.
Semmiet ukoll kif l-NGOs qajmu diversi tħassib fuq din in-nomina tal-Gvern minħabba li Franco Mercieca għandu sehem ta’ 10% f’kumpanija tal- iżvilupp u sostnew esprimew li dan joħloq kunflitt ta’ interess.
Marthese Portelli saħqet li f’dan il-mument, mhux biss irridu nagħżlu persuna tajba, iżda l-aħjar persuna. Saħqet li fil-mument tal-prova Marlene Farrrugia wriet li hi l-aħjar persuna, għandha l-grinta u tat prova li għandha għal qalbha l-ambjent u li kapaċi tissalvagwardja l-ambjent fl-interess biss ta’ pajjiżna.
Ix-Shadow Minister irrimarkat ukoll kif il-Gvern, fin-nuqqas tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech li ressaq din il-mozzjoni fil-Parlament, għażel li jitkellem minflok id-Deputat Prim Ministru il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis. Saħqet li l-Gvern kellu jressq din il-mozzjoni d-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, jew il-Ministru li hu responsabbli mill-Ambjent.
//= $special ?>