Il-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Martin Kobler, kien f’Malta għal ftit ħin ilbieraħ u ltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, dwar il-Libja.
Fi stqarrija tal-Gvern intqal li George Vella assigura lil Kobler li m’hemm ebda “kanal Malti” u li Malta se tkompli tappoġġja l-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti għall-formazzjoni ta’ Gvern ta’ Unità Nazzjonali fil-Libja. Vella nforma wkoll lill-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar it-tħassib serju ta’ Malta għan-nuqqas ta’ sigurtà u għall-instabilità li hemm fil-Libja, li jistgħu jwasslu għal iktar estremiżmu, terroriżmu u radikaliżmu.
Skont l-istess stqarrija, il-Mibgħut Speċjali rringrazzja lil George Vella għall-appoġġ ta’ Malta filwaqt li rrefera għall-kriżi politika imma wkoll umanitarja fil-Libja, minbarra sitwazzjoni ekonomika li qed tqarreb lil-Libja għall-falliment. Kobler tenna l-ħtieġa urġenti ta’ gvern fi Tripli biex jieħu f’idejh din is-sitwazzjoni diffiċli u jilqa’ għat-theddida dejjem tikber ta’ Daesh.
Fl-istess ħin, temmet tgħid l-istqarrija, Kobler wera apprezzament għall-analiżi ta’ George Vella dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u qabel li jżomm kuntatt fil-qrib fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>