Internazzjonali

Missjoni lejn Mars

L-Unjoni Ewropea u r-Russja it-Tnejn bdew missjoni flimkien lejn il-pjaneta Mars. Dan permezz tas-satellita ExoMars Trace Gas Orbiter (TGO) li bdiet il-vjaġġ spazjali miċ-ċentru spazjali ta’ Baikonur fil-Każakistan
L-iskop tal-missjoni hu biex jinvestigaw aktar bir-reqqa l-possibbiltà ta’ ħajja bl-attenzjoni tkun biex jaraw jekk gass tat-tip methane hux qed jiġi prodott fuq Mars – gass li fil-passat instab traċċi tiegħu hemmhekk. Jekk kollox imur sew u jkun hemm riżultati tajba, hemm pjan biex tintbagħat vettura spazjali biex imbagħad tagħmel tħaffir fuq il-pjaneta bejn l-2018-2020.
Il-vjaġġ tat-TGO lejn Mars mistenni jdum seba’ xhur bit-tir ikun li fis-16 ta’ Ottubru, is-satellita toħroġ vettura spazjali magħrufa bħala Schiaparelli li mbagħad tinżel fuq Mars fid-19 ta’ Ottubru. Hawn l-interess il-kbir hu biex ikun magħruf jekk il-vettura tagħmilx inżul tajjeb kif ukoll li l-apparat avvanzat li fiha, jaħdem kif suppost. Dan biex dan ikun il-bażi tal-missjoni li se ssir wara.