Qorti

Multa għal sewwieq ta’ dgħajsa li kkaġuna ġrieħi gravi waqt attività ta’ water sports

Jonathan Grech, ta’ 27 sena min-Nadur, Għawdex, instab ħati li bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Christopher Vella f’Ħondoq ir-Rummien waqt attività ta’ water sports.

Il-każ imur lura f’Lulju tal-2012 meta Grech kien qed isuq dgħajsa f’Ħondoq ir-Rummien li magħha kien imwaħħal crazy sofa li jinġibed mid-dgħajsa. Vella waqa’ minn fuq il-crazy sofa għal ġol-baħar u spiċċa ġarrab ġrieħi gravi meta kiser l-għadma ta’ ħaddejh u l-ħofra tal-għajn li kkaġunawlu sfreġju f’wiċċu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Grech ħati li ma segwiex ir-regolamenti li jgħidu li f’każ ta’ dgħajsa li tirmonka attività ta’ water sports kellu jkollu persuna oħra miegħu li ssegwi dak li jkun qed jiġri wara d-dgħajsa, inkella mirja. Il-Qorti kkonkludiet li l-ġrieħi li ġarrab il-vittma kienu konsegwenza diretta tan-nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti min-naħa tal-akkużat.

Fl-istess ħin, il-Qorti ħelset lil Grech mill-akkuża li kien reċidiv.