Edukazzjoni Lokali

Muscat qed ikompli jigdeb ukoll dwar “l-Università Amerikana” – il-PN

Il-gideb tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu kontinwu, mhux biss dwar l-Iskandlu Panamagate, iżda wkoll dwar l-iżvilupp li l-Gvern irid jagħmel fiż-Żonqor. Dan hekk kif qed jibqa’ jsejjaħ l-iżvilupp bħala Università Amerikana meta fil-verita’ kulħadd jaf li la hi Università u lanqas Amerikana. Għalhekk, Joseph Muscat għandu jieqaf immedjatament milli jibqa’ għaddej b’din il-gidba, li reġa’ qalha lbieraħ filgħodu waqt attività politika.

Qalet dan ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Evelyn Vella Brincat.

Ix-Shadow Minister saħqet kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla għandha tiċċensura minnufih lill-Prim Ministru u twaqqfu milli jkompli jirrepeti l-gidba ta’ Università. Fakkret li kienet l-istess Kummissjoni li waqqfet lil Sadeen Group milli jsejjaħ l-iżvilupp bħala Università meta kien ingħata t-titlu ta’ Istitut tal-Edukazzjoni Ogħla.

Min-naħa tagħha, Evelyn Vella Brincat qalet li l-falsità ta’ Joseph Muscat qed tkompli dejjem joħroġ fil-beraħ, anke fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi b’rabta mal-Iskandlu Panamagate. Hi appellat lis-soċjetà ċivili u lil kulmin hu ta’ rieda tajba biex flimkien jaħdmu għall-politika onesta li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irid iħaddan f’pajjiżna.

PC 140316