Lokali

Schembri u Hillman jiċħdu l-allegazzjonijiet li qed isiru kontrihom

 

Fi spazju ta’ ftit sigħat, sew Keith Schembri – iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Muscat, kif ukoll Adrian Hillman – id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, fi stqarrijiet separati ċaħdu l-akkużi serji li qed isiru kontrihom.

L-ewwel stqarrija li ħarġet il-Ħadd filgħodu ftit qabel nofsinhar, 19-il siegħa wara li feġġew l-allegazzjonijiet serji ta’ tixħim fil-konfront tiegħu, kienet dik taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li ċaħad l-akkużi li qed isiru kontrih.

Keith Schembri rrefera indirettament għall-istorja li kienet żvelata mill-blogger Daphne Caruana Galizia, li fiha allegat li Schembri, li huwa l-id il-leminija ta’ Muscat f’Kastilja, allegatament ilu għal diversi snin ixaħħam lil wieħed mid-Direttur Maniġerjali tal-Allied Group – li fost oħrajn jippubblika l-gazzetti ‘Times of Malta’ u ‘Sunday Times of Malta’ permezz tal-Progress Press – fuq ix-xiri ta’ prodotti u servizzi mingħand il-kumpaniji ta’ Schembri, Kasco Group.

Caruana Galizia qalet li xi snin ilu, Schembri u Adrian Hillman waqqfu kumpaniji f’pajjiż ieħor – mhux il-Panama – fejn is-segretezza wkoll hi waħda qawwija, fi struttura simili ħafna għal dik li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama. Dwar dan, il-Bord tad-Diretturi tal-Allied Newspapers fetaħ inkjesta interna u d-Direttur Maniġerjali tpoġġa fuq leave fit-tul sakemm titlesta.

Fl-istqarrija tiegħu, Keith Schembri rrefera għas-sors ta’ dawn l-allegazzjonijiet bħala ‘dubjuż u malizzjuż’ mingħajr ma semma lil ħadd b’ismu, u qal li hu ċar li hemm min ma jistax jirribattih politikament, u għaldaqstant qed jipprova jolqot l-interessi kummerċjali tiegħu permezz ta’ gideb u qerq.

Keith Schembri qal li qabel daħal fil-politika, hu telaq mill-pożizzjonijiet eżekuttivi fil-kumpanija kummerċjali tiegħu u beda jaħdem biex Malta jkollha gvern li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Fl-ebda parti tal-istqarrija ma qal li se jkun qed jiftaħ xi libell biex jirribatti dawn l-allegazzjonijiet.

Aktar tard filgħaxija, imbagħad, ftit qabel id-9pm, ħareġ stqarrija Adrian Hillman li wkoll ċaħad l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu u sostna li hu fiduċjuż li l-verità għad toħroġ.

Id-Direttur Maniġerjali tat-‘Times’ qal li bħala persuna privata mhux imdorri bl-attenzjoni li kien suġġett għaliha fl-aħħar jiem. Hu kompla li baqa’ lura milli jikkummenta pubblikament biex iħares l-integrità tal-istituzzjoni li jaħdem għaliha, imma issa ħass li għandu jagħti l-verżjoni tiegħu biex l-affarijiet ikunu ċari.

Hillman sostna li filwaqt li issa hu ċar li hu fl-ebda punt ma influwenza lill-edituri tat-‘Times of Malta’, kif diġà ddikjara mal-Bord tad-Diretturi, qed jiċħad l-allegazzjonijiet l-oħra kollha li qed isiru fil-konfront tiegħu.

Fi żvilupp ieħor aktar tard filgħaxija wara li rreaġixxa Hillman, il-blogger Daphne Caruana Galizia żvelat li l-kumpanija sigrieta tad-Direttur Maniġerjali tat-‘Times’ tinsab fil-British Virgin Islands fejn hemm ukoll il-kumpanija ta’ Keith Schembri u li din twaqqfet għalih minn Nexia BT fl-2011. Skont ir-rapport, hemm provi dokumentati tal-eżistenza ta’ din il-kumpanija li ma jdumux ma jkunu ppubblikati.