Hemm tħassib li se jerġa’ jkun hemm inċidenti tul il-fruntiera bejn il-Maċedonja u l-Greċja. Dan wara rapporti li aktar minn 300 immigrant telqu mill-kamp tagħhom fil-Greċja diretti lejn il-fruntiera tal-Maċedonja bl-iskop li jippruvaw jaqsmu x-xmara li taqsam iż-żewġ pajjiżi. Huma telqu mill-kamp f’Idomeni fejn hemm miġbura madwar 14,000 persuna. Sforz tal-Pulizija biex ma jħallux dan il-grupp jitlaq mill-kamp ma swew għal xejn.
Dan hekk kif il-Pulizija fil-Maċedonja ħabbru li żewġt irġiel u mara, li aktarx huma immigranti, instabu mejta fi xmara qrib il-fruntiera Griega.
Bħalissa hemm madwar 40,000 immigrant imblukkati fil-Greċja wara li l-Maċedonja għalqitilhom il-fruntiera. Il-Pulizija qalet li l-katavri nstabu fix-Xmara Suva qrib il-belt ta’ Gevgelija.
L-UNHCR qalet li kien hemm 19-il immigrant li ddaħħlu f’kenn u tlieta oħra kellhom jingħataw kura wara li ppruvaw jaqsmu x-Xmara Suva.
Tensjoni tul il-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja
