Għawdex Lokali Qorti

Żewġ żgħażagħ Somali jitressqu l-Qorti b’akkużi ta’ attentati ta’ serq f’Għawdex

Żewġ żgħażagħ Somali residenti x-Xewkija Għawdex illum tressqu l-Qorti akkużati b’attentat ta’ serq minn vetturi differenti. Huma ġew akkużati li s-Sibt li għadda ppruvaw jisirqu vettura tat-tip Isuzu, kif ukoll li ppruvaw jisirqu flus jew oġġetti minn diversi vetturi oħda. Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena ġie akkużat ukoll li kiser ordni tal-Qorti.

Is-Somali nqabdu meta raġel li kien għaddej mill-inħawi nnutathom jippruvaw jiftħu l-vetturi. Hu informa immedjatament lill-Pulizija ta’ Għawdex, li arrestat liż-żewġ persuni immedjatament.

Quddiem il-Maġitrat Paul Coppini, huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.