Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-PN assistew lil Toni Abela f’laqgħat mal-EPP

B’kuntrarju għal dak li ġie implikat mill-Partit Laburista fi stqarrija aktar kmieni, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li ma kinitx id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ħadmet kontra Toni Abela, anzi l-MEPS tal-PN għinu lil Toni Abela f’laqgħat mal-EPP.

Dan wara li aktar kmieni, il-Kumitat tal-Budget tal-Parlament Ewropew m’aċċettax in-nomina ta’ Toni Abela biex ikun fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Alfred Sant għamel dawn il-kummenti f’intervista bit-telefon fil-programm Dinja Ewropa mmexxi minn Sergio Mallia. Hu qal li għall-kuntrarju, kemm il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa kif ukoll membru ieħor tad-delegazzjoni tal-PN għenu lil Toni Abela tant li akkumpanjawh f’xi laqgħat li kellu.

Dan imur kontra dak li qal il-Partit Laburista fi stqarrija fejn akkuża lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li “huwa konoxxenti ta’ kampanja sħiħa” kontra Toni Abela u li “jippreferi jmur kontra pajjiżu.”