Il-Pulizija qed jinvestigaw numru ta’ serqiet li seħħew minn residenzi differenti fil-Marsa. Dalgħodu biss seħħew żewġ serqiet minn żewġt idjar separati, filwaqt li NETnews.com.mt jinsab infurmat li ġimgħa ilu seħħet serqa minn dar oħra. Fis-serqiet kollha nsterqu flus u deheb f’ammonti konsiderevoli.
Kien għall-ħabta tal-11 ta’ dalgħodu meta l-Pulizija ġew infurmati li kienet seħħet serqa minn residenza fit-Telgħa tal-Ġiżwiti l-Marsa u li fis-serqa kienu sterqu flus u deheb. Aktar tard, għall-ħabta tal-11.30 ta’ dalgħodu, il-Pulizija reġgħu ġew infurmati b’serqa oħra, din id-darba fi Triq Stiefnu Zerafa. Fiż-żewġ każijiet il-Pulizija sabu li kien hemm sgass.
NETnews.com.mt jinsab infurmat, li apparti dawn iż-żewġ serqiet, il-ġimgħa li għaddiet seħħet serqa oħra fi Triq Stiefnu Zerafa, minn dar li tinsab żewġ bibien bogħod mid-dar li nsterqet dalgħodu.
Dwar is-serqiet li seħħew dalgħodu, il-Pulizija kkonfermaw li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin filwaqt li qed isiru wkoll żewġ inkjesti Maġisterjali separati.
//= $special ?>