Lokali

FILMAT : L-UE ma tapprovax lil Toni Abela

Il-Parlament Ewropew ma approvax in-nomina tal-Avukat Toni Abela għal membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dan wara vot meħud fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Budget, fejn 17-il Deputat ivvutaw kontra u disgħa vvutaw favur.

Il-grilling tal-Avukat Toni Abela kien karatterizzat minn diversi fatturi, fosthom mistoqsijiet diretti dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni li għaddej minnhom il-Gvern Laburista bħalissa. Dwar dan, Toni Abela qal li issa m’għadux f’pożizzjoni politika, imma jekk xi ħadd għamel xi ħaga ħażina jrid iġorr ir-responsabbiltà.

Dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, l-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela qal li mhux fil-kompitu tiegħu li jikkummenta dwar dak li qed iseħħ f’Malta, iżda jekk saret xi ħaġa ħażina għandha tintrefa r-responsabbiltà.

Spikkaw ukoll il-mistoqsijiet dwar il-każ tal-blokka l-bajda, li hu marbut direttament mal-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela. Dwar dan, hu sostna li hu kien investigat mill-Pulizija, iżda ma nstab xejn fil-konfront tiegħu.

Sadanittant, semma’ wkoll kif telaq mill-Partit Laburista u waqqaf l-Alternattiva Demokratika meta ħass li kellu jieħu dawn il-passi għax kien qed jikkampanja bis-saħħa għal-Liġijiet dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi.

Toni Abela temm jgħid li kien ta’ unur għalih li l-Prim Ministru Malti nnominah għal din il-kariga, li għandha l-iskop li tiddefendi l-integrità tas-sistemi finanzjarji. Meta ħabbar in-nomina, Muscat kien qal li jinsab ċert li Toni Abela se jagħmel lil Malta kburija.

Ġurnata kerha għal isem Malta – il-PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nnota l-vot fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kontroll tal-Baġit għan-nomina ta’ Toni Abela għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kandidat Malti, li kien magħżul mill-Prim Ministru waħdu, dalgħodu naqas milli jwieġeb b’mod konvinċenti l-mistoqsijiet li sarulu mill-Membri Parlamentari Ewropej dwar l-esperjenza u l-kompetenza tiegħu waqt is-sessjoni tas-smigħ fi Brussell.

Hu ċar li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni f’Kastilja qed jagħmel ħsara lil Malta, kompliet l-istqarrija. Din hi ġurnata kerha għal isem Malta, u l-azzjonijiet tal-Prim Ministru qed ikomplu jimbarazzaw lil Malta u lill-poplu Malti.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru biex ipoġġi l-interess nazzjonali qabel l-interessi personali u politiċi tiegħu.

Diżappunt mill-Gvern
Fi stqarrija l-Gvern Malti qal li jixtieq jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Budget tal-Parlament Ewropew ma tax parir favorevoli għan-nomina ta’ Toni Abela għall-Qorti tal-Awdituri.

Daqqa fatali għall-prestiġġju ta’ Malta fuq livell internazzjonali
Fi stqarrija oħra, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, il-Prof Arnold Cassola, qal li din kienet daqqa fatali oħra għall-prestiġju ta’ Malta fuq livell internazzjonali.

Cassola qal li l-każ ta’ John Dalli diġa xeħet dell ikrah fuq Malta u issa bil-każ  ta’ Panamagate u l-imġiba mhux etika tal-Prim Ministru Muscat u l-kollaboraturi l-aktar qrib tiegħu aktar żdiedet il-viżjoni mċajpra ta’ pajjiżna f’għajnejn il-Membri tal-Parlament Ewropew.

Hu inġust ħafna li Toni Abela spiċċa jħallas hu għall-imġieba mhux etika tal-mexxejja nazzjonali tagħna, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, sostna Arnold Cassola.