Wara li nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama u allegatament xaħħam lil wieħed mid-Diretturi ta’ Allied Newspapers, iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, ma jistax jibqa’ jinħeba mill-ġurnalisti, iżda għandu jiffaċċja l-mistoqsijiet li qed isirulu. Min-naħa l-oħra, Joseph Muscat għandu jkeċċi lil Keith Schembri mill-pożizzjoni ta’ Chief of Staff minnufih għal numru ta’ raġunijiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami staqsa għaliex Joseph Muscat m’għandux awtorità jkeċċi lil Keith Schembri. “X’jaf Keith Schembri dwar Joseph Muscat u għaliex Joseph Muscat qisu ma jista’ jieħu l-ebda deċiżjoni kontra Schembri?”, staqsa Beppe Fenech Adami. Hu spjega numru ta’ raġunijiet għaliex il-pożizzjoni ta’ Keith Schembri m’għadhiex tenibbli u għaliex Muscat għandu jkeċċieh b’mod immedjat.
Ir-raġunijiet jinkludu:
1. Waqt li Keith Schembri kien qed jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u Trust fi New Zealand.
2. Il-kumpanija fil-Panama nfetħet fl-istess perjodu li Keith Schembri, flimkien ma’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi, marru l-Ażerbajġan jinnegozjaw il-prezz taż-żejt.
3. Keith Schembri kien responsabbli biex fiż-żjara li fl-Ażerbajġan ma jittieħdu l-ebda Uffiċjali taċ-Ċivil jew membri tal-media.
4. Skont dak li qal Muscat, Keith Schembri ħbielu l-fatt li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama waqt li kien qed imexxi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
5. Skont dak li qal Konrad Mizzi, kien Keith Schembri li tah il-parir u spjegalu eżatt x’għandu jagħmel biex jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
6. Keith Schembri ħeba, bil-għan li ma jinqabadx, li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, meta l-media bdiet tistaqsi lil Muscat jekk l-istess Schembri għandux l-istess tip ta’ kumpaniji u Trust bħal Konrad Mizzi.
7. Keith Schembri fetaħ kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands meta kien diġà qed imexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
8. Allegatament, Keith Schembri xaħħam lil Direttur tal-Allied Newspapers biex il-kumpanija tixtri l-apparat u l-karta tagħha mingħand Kasco Limited.
Filwaqt li saħaq li dawn it-tmien raġunijiet huma biżżejjed biex Muscat ineħħi lil Keith Schembri minn Chief of Staff ta’ Kastilja b’mod immedjat, Beppe Fenech Adami rrefera wkoll għall-aħħar allegazzjonijiet ta’ tixħim minn Keith Schembri lil dak li issa hu eks Direttur ta’ Allied Newspapers.
Beppe Fenech Adami sostna li Allied Newspapers tat lezzjoni ta’ kif jittieħdu deċiżjonijiet serji f’każijiet bħal dawn, li l-ewwel issospendew lill-persuna li allegatament kienet involuta f’dan it-tixħim, ġiet ordnata investigazzjoni, imbagħad l-istess persuna għażlet li minn jeddha tirriżenja. Hu sostna li Muscat għandu jieħu eżempju minn dak li ġara f’Allied Newspapers u għall-anqas jagħmel l-istess.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Keith Schembri, minn meta nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, għażel li jistaħba mingħajr qatt ma ffaċċja lill-media.
Hu nsista li Keith Schembri għandu minnufih iwieġeb dawn il-mistoqsijiet:
1. X’inhi r-raġuni li Keith Schembri fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama fl-2015 meta suppost kien fl-2013 li ddikjara l-flus u l-interessi finanzjarji kollha li għandu?
2. Meta fetaħ it-Trust fi New Zealand?
3. Min huma t-trustees fi New Zealand?
4. X’inhu r-rwol ta’ Keith Schembri fit-Trust ta’ New Zealand?
5. X’inhuma l-assi li kien beħsiebu jitfa’ Keith Schembri fil-kumpanija sigrieta tal-Panama?
6. Min hu l-‘ultimate beneficiaries’ tal-kumpanija sigrieta ta’ Keith Schembri fil-Panama?
7. Xi Trusts oħra għandu Keith Schembri u meta nfetħu?
8. Meta fetaħ il-kumpanija Keith Schembri fil-British Virgin Islands?
9. X’inhi r-raġuni tal-kumpanija ta’ Keith Schembri fil-British Virgin Islands?
10. Għaliex Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu Trust b’kumpanija sigrieta fil-Panama fl-istess żmien eżatt qabel ma marru l-Ażerbajġan?
11. Meta Keith Schembri informa lil Joseph Muscat dwar dan l-arranġament finanzjarju?
12. Jista’ Keith Schembri jipprovdi lista sħiħa tal-kumpaniji kollha barra minn Malta li hu s-sid tagħhom?
13. Wara li qamu dubji dwar l-arranġamenti finanzjarji tiegħu, Keith Schembri ma jħossx li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli?
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri, li qalet li Keith Schembri hu l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, tant li diversi Ministri jitkellmu b’mod apert li d-deċiżjonijiet tal-Gvern ma jeħodhomx Muscat, iżda Keith Schembri. Hi fakkret li Keith Schembri mexxa l-kampanja elettorali ta’ Muscat fl-2013, liema kampanja issa jirriżulta bl-aktar mod ċar li kienet kampanja ta’ ingann mill-bidu sal-aħħar.
Graziella Schembri sostniet li Keith Schembri kien involut fil-maġġoranza tal-kuntratti nnegozjati mill-Gvern u li s’issa nżammu moħbija, fosthom il-bejgħ tal-Enemalta liċ-Ċiniżi, il-bini tal-Power Station u l-għoti tal-garanzija bankarja, kif ukoll il-ftehim mal-Ażerbajġan.
//= $special ?>