Lokali Parlament

Gvern fi kriżi tal-mistħija u fi kriżi dejjem tikber ta’ skandli u korruzzjoni

Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, iddikjara fil-Parlament li quddiem allegazzjonijiet serji b’rabta ma’ mġiba korrotta fil-qalba ta’ Kastilja, il-Gvern jinsab fi krizi tal-mistħija u fi kriżi li dejjem tikber ta’ skandli u korruzzjon.

Meta tkellem illejla fil-ħin tal-Aġġornament, ix-Shadow Minister Chris Said saħaq fuq il-bżonn urġent li din l-kriżi titwaqqaf.
“Pajjiżna ma jixraqlux hekk għax jixraqlu ħafna aħjar. Pajjiżna jixraqlu Gvern onest, nadif u li jaħdem fl-interess taċ-ċittadini kollha tiegħu meta dan hu l-Gvern li ngħata mandat ċar u b’saħħtu mill-poplu biex ikun kontabbli, trasparenti, mibni fuq l-onestà u li jiġġieled il-korruzzjoni. Ikkritika lill-Gvern li dawn il-wegħdi remihom kollha u qed jagħmel l-oppost u daħak b’dawk li tawh il-fiduċja tagħhom.

Fisser kif il-Prim Ministru ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li immedjatament jeħles miċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, u minn Konrad Mizzi. Dan qed jgħiduh in-nies kollha li jridu li dan il-pajjiż tagħna jkollu l-ogħla standards possibbli, is-soċjetà ċivili u l-media f’pajjiżna.

Ħsara lill-pajjiż u wkoll lill-politiċi onesti
Aktar ma l-Prim Ministru ser idum ma jieħu l-passi, saħaq Chris Said, aktar ser tiġri ħsara lill-pajjiż u wkoll lill-politiċi onesti. Appella lill-Korp tal-Pulizija li huwa fid-dmir ifittex, jinvestiga u jakkuża lil min ikun hemm suspetti fondati li wettaq reat għaliex il-liġi qegħda hemm għal kulħadd. Meta dawk li jaqa’ suspett fuqhom ikunu nies fil-Gvern stess, id-dmir tal-Pulizija bħala Korp indipendenti jikber.

Staqsa jekk f’dan il-pajjiz wasalniex f’sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jibda jinvestiga biss jekk jgħidlu l-Prim Ministru.

Konrad Mizzi 1

L-aktar kuntratti importanti u li jinvolvu miljuni f’idejn Konrad Mizzi
Chris Said fakkar li l-aktar kuntratti importanti u li jinvolvu miljuni kbar, kienu taħt idejn il-Ministru Konrad Mizzi li llum ukoll hu Deputat Mexxej Laburista.

Semma kif Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi biegħu l-power station tal-BWSC liċ-Ċiniżi; biegħu parti mill-Enemalta liċ-Ċiniżi meta qabel l-elezzjoni kienu wegħdu bil-kontra; raw li qabel biegħu parti mill-Enemalta liċ-Ċiniżi, l-Enemalta ħadet mill-Gvern artijiet kbar daqs 45 darba tal-grawnd nazzjonali f’Ta’ Qali; biegħu l-Isptar Generali t’Għawdex, partijiet mill-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech lill-kumpaniji barranin; kienu mdaħħlin fil-bejgħ u fin-negozjar ta’ kuntratti kbar li huma marbutin mal-allegazzjonijiet li qed isiru bħalissa meta għażlu l-konsorzju li qed jibni power station privata li suppost ilha lesta sena u ġimgħa; intrabtu ma’ din il-power station li jixtru l-elettriku bil-għali għal 18-il sena sħaħ; taw lil din il-power station garanzija ta’ €360 miljun minn flus il-poplu; marru l-Ażerbajġan bil-moħbi u għamlu kuntratt għax-xiri tal-fjuwils li fisser telf għal Malta ta’ 14-il miljun dolloru; marru l-Ażerbajġan bla ma ħadu magħhom l-ebda uffiċjali taċ-Ċivil u lanqas l-ebda espert mill-Enemalta; u qalu lill-Enemalta biex tixtri ż-żejt, il-petrol u d-diesel minn kumpanija korrotta (is-SOCAR) tal-Ażerbajġan.

Il-kuntratti moħbija jkomplu jżidu s-suspetti
Fisser li dawn il-kuntratti sal-lum għadhom kollha moħbija u li dan qed ikompli jżid is-suspett tan-nies għaliex dawn ma ġewx pubblikati.

Fakkar fil-billboard tal-Partit Laburista ta’ qabel l-elezzjoni li kien jgħid bi kliem kbar: ‘GĦALL KORRUZZJONI TĦALLAS INT’. Chris Said saħaq li dan hu dak li qed jiġri llum bi Gvern li ta ftit għalik u ħafna għalihom.

Gvern li ta €1.75c żieda miżera din is-sena u 50ċ żieda s-sena li għaddiet; ħatar ambaxxaturi b’salarji fenominali lil nies qrib tiegħu; u daħħal kważi 600 persuna tal-qalba f’position of trust.

Semma wkoll li dan hu Gvern li jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku meta n-nies f’riskju ta’ faqar qed jiżdiedu u tonqos il-paga medja.
Gvern ukoll li qed jisraqna kuljum kull darba li mmorru nagħtu d-diesel jew petrol lill-karozza meta qed iżomm apposta għoljin il-prezzijiet tal-petrol u diesel minkejja l-waqgħa kbira ta’ 60% fil-prezz taż-żejt. Gvern ukoll li qed iħalli ħaddiema b’ kuntratti ta’ tliet xhur u b’paga ta’ €640 fix-xahar.

Ikkritika wkoll kif b’daqqa ta’ pinna l-Gvern ta sussidju ta’ €430 miljun lill-kumpanija Spanjola tat-trasport pubbliku u għolla n-nolijiet billi neħħa l-biljett ta’ ġurnata sħiha vvjaggar għal €1.50, u l-bus card li qabel kienet b’xejn issa ġiet tiswa €5.

Semma kif wara dawn l-aħħar skandli tad-Deputat Mexxej Labursta u taċ-Chief of Staff f’Kastilja, il-Prim Ministru għandu tal-anqas jieħu l-eżempju tat-Times li malli ħargu l-allegazzjonijiet issospendew lil min kien hemm allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u għamlu investigazzjoni indipendenti.

simon busuttil 3 snin gvern laburista

L-Oppożizzjoni se tkompli titkellem ċar u titlob azzjoni
Saħaq li l-Oppożizzjoni determinata li tkompli titkellem ċar u titlob azzjoni kull fejn hemm bżonn għax saħaq li t-theddid u tfigħ ta’ tajn mhux ser jaqta’ qalb l-Oppożizzjoni.

Ikkritika wkoll il-mod kif dak li ġara fl-aħħar jiem gie rappurtat fl-aħbarijiet ta’ TVM – suppost l-istazzjon nazzjonali, bi tbażwir kbir u titli li jqarrqu għall-aħħar, bil-PBS ikompli juri kif huwa kontrollat direttament minn Kastilja.

Ix-Shadow Minister Chris Said saħaq li quddiem din il-kriżi li jinsab fiha l-Gvern, qed jikber il-bżonn li jitwettqu l-proposti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għal politika nadifa.

L-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil trid twaqqaf din il-ġirja għal qiegħ għax trid tellieqa lejn il-quċċata biex ikollna pajjiż nadif u politika onesta.

Ikkritika lill-Gvern kif kull darba li jinkixef xi skandlu, jipprova jqabbad difrejh ma xi żball tal-passat biex inessi lill-poplu billi jipprova jħammeġ lil xi ħadd.

Proposti għal politika ta’ ndafa u għall-iggvernar tajjeb
Chris Said saħaq li quddiem Gvern li tilef il-kredibbiltà kollha meta sa ftit ilu kien jidher invinċibbli, hawn Oppożizzjoni li qed taħdem biex malli jkollha l-fiduċja tal-poplu, taħdem biex tbiddel il-mentalitajiet u s-sistema nnifisha b’dokument b’109 proposta msejsa fuq politika ġdida ta’ ndafa u politika onesta għall-iggvernar tajjeb.