Ambjent Lokali

Il-Gvern se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa b’limitazzjonijiet ġodda

Ritratt mill-Arkivji

L-istaġun se jdum ġimgħa anqas; il-kwota tal-gamiem tonqos b’aktar min-nofs

Il-Gvern se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fis-17 ta’ April, wara rakkomdazzjoni tal-Kumitat Ornis. Il-Gvern qal fi stqarrija li se jiftaħ l-istaġun ukoll wara numru ta’ studji dwar il-passa.

L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien se jiftaħ fis-17 ta’ April u se jdum ġimgħatejn sat-30 ta’ April. Dan ifisser tnaqqis ta’ ġimgħa mill-massimu ta’ 3 ġimgħat.

Apparti minn hekk se jkun hemm tnaqqis fil-ħinijiet li matulhom jista’ jsir il-kaċċa. Filfatt, il-ħinijiet li fihom se tkun permessibbli l-kaċċa tnaqqsu għal sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa’ nofsinhar fi kwalunkwe ġurnata tal-istaġun, tnaqqis ta’ sagħtejn għal kull ġurnata fost il-ġimgħa.

Il-Gvern qal ukoll li l-kwota nazzjonali tnaqqset minn massimu ta’ 11,000 gamiema għal 5,000 gamiema filwaqt li l-kwota ta’ 5,000 summiena, kif ukoll il-kwota individwali ta’ żewġ għasafar f’ġurnata u ta’ erbgħa matul l-istaġun kollu, baqgħu l-istess.

Dawk il-persuni biss li jingħataw il-Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa għas-sena 2016 ħa jkollhom il-permess li jikkaċċjaw il-gamiema u s-summiena matul l-istaġun u biex din il-liċenzja speċjali tinkiseb, wieħed irid ikollu liċenzja ġenerali valida, sħubija f’għaqda rikonoxxuta, polza ta’ assikurazzjoni valida, u liċenzja valida tal-ġarr tal-arma għall-kaċċa.

Intant il-Gvern qal li anke l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema fil-ħarifa se jitnaqqas ukoll, minn ħames xhur (Settembru-Jannar) għax-xahar ta’ Settembru biss. L-istaġun tal-kaċċa tal-gamiema f’Settembru se jkun soġġett għall-kwota nazzjonali ta’ 7,000 gamiema.