Lokali Parlament

Il-Whip tal-Gvern jilmenta dwar ix-xogħol tal-ġurnalisti barra l-Parlament

Il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrrugia, ilmenta mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, dwar ix-xogħol tal-ġurnalisti u cameramen li jkunu jistennew lid-deputati parlamentari biex jistaqsuhom mistoqsijiet u jitolbuhom kummenti huma u deħlin fil-bini tal-Parlament.

Qabel ma beda d-dibattitu fis-seduta parlamentari tal-lejla, Godfrey Farrugia ġibed l-attenzjoni tas-Sedja dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tal-post li fih il-ġurnalisti għandhom jistennew lid-deputati parlamentari jekk iridu jistaqsuhom xi mistoqsijiet huma u deħlin jew ħerġin mill-bini tal-Parlament.

Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia qal li l-post mhux identifikat b’mod ċar u kellu jitlob illejla waqt li kien dieħel fil-Parlament biex il-Pulizija tagħmel xogħolha u tassigura li l-ġurnalisti jkunu fil-post tagħhom fil-parametri tal-bini tal-Parlament. Talab lill-Ispeaker jinvestiga l-ilment u jieħu rimedji.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb li kien se jinvestiga t-talba li kienet qed titressaq waqt li rrimarka li l-pjazza tal-Parlament hi kbira u li din hi zona pubblika.

Id-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, fis-seduta tal-bieraħ it-Tnejn, ma kienx preżenti għad-dibattitu u għall-vot li ttieħed fit-tmiem is-seduta fuq mozzjoni tal-Gvern biex id-Deputat Laburista Franco Debono jinħatar Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-Ambjent. Fl-istess mozzjoni, il-Gvern innomina wkoll lil Godfrey Farrugia bħala membru wkoll ta’ dan il-Kumitat. Dan wara li f’Novembru li għadda Marlene Farrugia, illum Deputat indipendenti u li lbieraħ ukoll m’attenditx is-seduta parlamentari tal-bieraħ, kienet irriżenjat mill-Grupp Parlamentari tal-Gvern, minn membru fil-Partit Laburista, u wkoll minn Chairperson tal-Kumitat Parlamentari minħabba li kienet tirrappreżenta lill-Gvern.

Fis-seduta tal-bieraħ ukoll, il-Gvern ivvota kontra emendi tal-Oppożizzjoni biex tinħatar Marlene Farrugia bħala Chairperson tal-Kumitat Ambjentali u biex il-Kumitat Parlamentari jinbidel u jitwaqqaf mill-ġdid fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fejn il-maġġoranza tal-membri fil-Kumitat ikunu tal-Gvern iżda ċ-Chairperson jinħatar mill-Oppożizzjoni.