Ir-rata tal-fertilità f’Malta hi taħt il-medja tal-UE qed tkompli tonqos. Turi dan l-istatistika ppubblikata llum mill-Eurostat li turi li r-rata ta’ fertilita f’Malta fl-2014 kienet ta’ 1.42, imqabbla ma’ 1.48 fl-2001 filwaqt li l-medja tal-UE fl-2014 kienet 1.58.
Rata ta’ fertilità ta’ qrib 2.1 twelid ta’ tarbija kull mara hi meqjusa rata sostenibbli f’pajjiżi żviluppati, spjegat il-Eurostat. Dan ifisser li hi hi din ir-rata meħtieġa biex iżżomm id-daqs tal-popolazzjoni fl-istess livell fin-nuqqas ta’ immigrazzjoni jew emigrazzjoni.
L-ikbar rata ta’ fertilità fl-UE kienet imkejla fi Franza, b’2.01, u l-inqas fil-Portugall, b’1.23. Franza kienet l-uniku pajjiż fl-UE li qabeż ir-rata ta’ 2.
F’ħafna stati membri, ir-rata ta’ fertilità bejn l-2001 u l-2014 żdiedet, bil-medja tiżdied minn 1.46 fl-2001 għal 1.58 fl-2014. L-ikbar żieda kienet fil-Latvja, minn 1.22 għal 1.65, jiġifieri żieda ta’ 0.43. L-ikbar tnaqqis kien f’Ċipru, b’-0.26.
Il-Eurostat ħarġet ukoll ċifri dwar l-età tal-ommijiet li juru li l-medja hi ta’ 28.8 snin meta l-omm twelled l-ewwel tarbija. F’Malta, l-età medja hi ta’ 28.6.
Iċ-ċifri juru wkoll li fl-2014 twieldu 68,552 iktar tarbija milli fl-2001. L-ikbar żieda kienet fl-Iżvezja (+25.6%), ir-Repubblika Ċeka u s-Slovenja (+21.1%), l-Irlanda (+16.3%) u r-Renju Unit (+16%). Il-Portugall reġa’ kien il-pajjiż bl-ikbar tnaqqis (-27%), imbagħad l-Olanda (-13.5%), id-Danimarka (-13.1%) u r-Rumanija (-12.4%).
//= $special ?>

