L-eksmexxej Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva, mistenni jaċċetta rwol ministerjali ewlieni fil-Gvern tal-President tal-Brażil, Dilma Rousseff.
Membri tal-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern jistennew li l-ħatra ta’ Lula tistabbilizza xi ftit il-Gvern ta’ Rousseff li għaddej minn maltemp politiku minħabba skandlu kbir dwar tixħim u korruzzjoni fejn il-partit fil-gvern qed jidher implikat sew.
Il-kariga ta’ Ministru għandha tagħti ammont ta’ protezzjoni legali lil Lula da Silva wara li prosekuturi talbu l-arrest tiegħu b’konnessjoni ma’ inkjesta dwar ħasil ta’ flus li kien jinvolvi penthouse lussuż qrib il-baħar. Lula, li kien President tal-Brażil mill-2003 sal-2011, qed jiċħad l-akkużi li skont hu, għandhom warajhom ‘skop politiku’.
Bħala Ministru, Lula jista’ jkun ipproċessat biss mill-Qorti Suprema tal-Brażil u fejn ma jaqax taħt il-mandat tal-maġistrat fil-belt ta’ Curitiba li hu responsabbli mill-investigazzjoni.
Lula da Silva, kmieni fix-xahar, kien arrestat għal żmien wara li investigaturi sostnew li għandhom il-provi li hu rċieva fondi illegali bħala parti minn skema korrotta li tinvolvi l-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras. Intant, l-aħħar rapporti qalu li Lula, li ħa ħsieb il-bidu tal-karriera politika ta’ Rousseff u għażilha bħala l-kandidat biex tilħaq floku bħala President (fl-2010), kien qed iħejji biex jiltaqa’ magħha fi Brasilia.
Rousseff, ukoll membru tal-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, qed tiffaċċja dejjem aktar sejħiet biex twarrab mill-Presidenza, b’riżultat tal-iskandlu tal-korruzzjoni storika relatata għall-Petrobras u meta l-Brażil qed isofri l-agħar riċessjoni għal snin.
Fi tmiem il-ġimgħa, mijiet ta’ eluf ta’ Brażiljani ħarġu jipprotestaw fit-toroq biex Rousseff ‘titlaq mill-kariga’, iżda hi għadha determinata li tkompli bħala President.
Madankollu, Rousseff tista’ tiffaċċja proċess ta’ impeachment fil-Kungress, fost akkużi li hi kienet ħbiet l-iżbilanċ tal-baġit, u minkejja li hi qed tiċħad għal dan b’mod kategoriku.
//= $special ?>