Dalgħodu, il-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) nieda kors ġdid fil-ġurnaliżmu li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
Il-kors tal-MCAST se jsir bil-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Tumas Fenech u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).
Il-Baċellerat fil-Ġurnaliżmu se joffri suġġetti relatati mal-media stampata, ix-xandir, il-ġurnaliżmu investigattiv kif ukoll dak sportiv. Ħiliet oħra li se jkun qed joffri dan il-kors huma dawk għall-ġurnaliżmu online, l-etika fil-ġurnaliżmu, kif tagħmel produzzjoni għar-radju u kif tevalwa aħbar.
Student jista’ jidħol għal dan il-kors jekk ikollu żewġ ‘A’ Levels u żewġ Intermediate. Dan il-programm edukattiv, li se jiġi offrut fiċ-ċentru tal-kreattivita’ li l-MCAST għandu fil-Mosta, ġie deskritt bħala pass ‘il quddiem għall-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
Preżenti għat-tnedija tal-kors kien hemm uffiċjali tal-MCAST, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, iċ-chairperson tal-IĠM Karl Wright, kif ukoll iċ-chairperson tal-Fondazzjoni Tumas Fenech Ugo Mifsud Bonniċi, President Emeritu.
Waqt it-tnedija, iċ-chairperson tal-IĠM qal illi issa l-pass li jmiss hu li jibda jinħareġ warrant anke għall-ġurnalisti, l-istess kif isir fi professjonijiet oħrajn.
//= $special ?>

