Lokali

Malta taqa’ 20 post ‘l isfel fil-Global Gender Gap Index

Mir-rapport li jagħmel kull sena l-World Economic Forum jirriżulta li d-differenzi bejn is-sessi qed tikber. Dan l-istudju, li jinħadem fuq 145 pajjiż, isir fuq kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-ekonomija, Il-politika, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Il-kejl ilu jsir mill-2006 u ta’ kull sena sal-2013, Malta kienet dejjem tokkupa bejn wieħed u ieħor fuq it-80 post. Madankollu, bejn l-2013 u l-2015, Malta waqgħet mill-84 post għall-104 post. Dwar dan, fi stqarrija, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu dwar dan l-istudju.

Dwar il-paga medja tan-nisa, Malta waqgħet lura 35 post fl-aħħar sentejn għax, filwaqt li f’ pajjiżi oħra l-paga medja tal-ħaddiema baqgħet tiżdied b’mod regolari, f’Malta ma ġarax l-istess. Kawża ta’ dan, 35 pajjiż li kellhom il-paga medja agħar minn tagħna, issa għaddewna.

Anke fl-ugwaljanza fil-pagi, Malta waqgħet 31 post lura, filwaqt li fin-numru ta’ nisa Maltin li mistennija jgħixu fit-tul b’saħħithom waqajna 38 post lura.

L-MNPN esprima t-tħassib għax dan ifisser żieda fin-nisa li qed jaqgħu f’livell ta’ faqar jew qed jaħdmu taħt kundizzjonijiet tax-xogħol b’żieda minima. Il-Moviment qal li hu ta’ ħasra li dan il-Gvern, li tela’ bl-għajta ta’ l-aktar Gvern femminist, jiġbed tant ‘l isfel lin-nisa f’oqsma differenti u importanti.