Lokali Parlament

Muscat u Konrad Mizzi jibqgħu ma jagħtux l-informazzjoni dwar il-lista ta’ persuni li ħatru bħala persons of trust

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej Laburista u Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, ma tawx informazzjoni fil-Parlament dwar il-persons of trusts li ħatru tul dawn it-tliet snin li ilhom fil-Gvern.

Fil-mistoqsija parlamentari li għamlet ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasoprt, il-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi kienu mitluba jgħidu min huma l-konsulenti jew persons of trust li taw is-servizz tagħhom lill-Ministeru tagħhom jew lil kwalunkwe dipartiment, entità jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, bejn Marzu tal-2013 sad-data li fiha saret il-mistoqsija parlamentari.

Staqsiet ukoll biex tingħata l-informazzjoni dwar meta jiskadi t-term ta’ konsulenza ta’ kull wieħed minnhom, ir-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu s’issa.

Kemm il-Prim Ministru Muscat kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi wieġbu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Prim Ministru wkoll wieġeb b-istess mod, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar għall-mistoqsija tax-Shadow Minister Marthese Portelli, biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proprjetajiet u/jew artijiet li kienu jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Artijiet imma sussegwentament ġew mgħoddija lil terzi bi kwalunkwe titlu bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sal-lum.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli ilmentat fil-Parlament fil-jiem li għaddew, dwar t-tul ta’ żmien li fih il-Gvern qed jibqa’ jgħid li l-informazzjoni dwar il-ħatriet li għamel bħala persons of trusts għadha qed tinġabar hekk kif qed tibqa’ tistaqsi l-istess mistoqsijiet bit-tweġibiet dejjem jibqgħu l-istess, minkejja li jgħaddi ħafna żmien, li l-informazzjoni tkun għadha qed tinġabar.

Il-Ministru Konrad Mizzi, flimkien maċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinsab assedjat mill-media u diversi opinjonisti f’pajjiżna li qed jitolbu r-riżenja tiegħu wara l-iskandlu li nqabad fih bil-kontijiet u kumpaniji sigrieti barra ‘l pajjiż u ‘l bogħod minn xtutna.

Il-Prim Ministru Muscat ukoll hu taħt pressjoni kbira biex ikeċċi lid-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi mill-kabinett tiegħu wara l-akkużi serji u gravi li saru kontra l-Ministru Konrad Mizzi.