Lokali

Persuna involuta f’inċident ma’ Owen Bonnici tfittex kumpens

Aġġornata

Fi dritt għar-risposta, il-Ministru Owen Bonnici qal li kuntrarjament għal dak li ngħad fit-titlu, il-Ministru ma tajjar l-ebda ġuvni bil-vettura tiegħu, iżda inċidentalment laqat karozza oħra fil-bypass ta’ Santa Venera u din il-karozza laqtet persuna li kienet wieqfa ħdejha, kif kien ingħad f’dikjarazzjoni minn dan is-sit fl-2014.

Aktar kmieni…

Persuna li kienet involuta f’inċident li fih kien involut il-Ministru Owen Bonnici qed tifftex li tingħata kumpens.

Kien f’April 2014 meta l-Ministru Owen Bonnici kien tajjar żewġ ġuvintur f’inċident li fih il-Ministru kien qed isuq il-vettura privata tiegħu.

Il-Ministru Owen Bonnici qal fi stqarrija li ngħata ittra uffiċjali li permezz tagħha, il-persuna li weġġgħet f’dan l-inċident, qed titlob kumpens mingħand il-kumpanija tal-assikurazzjoni u mingħand Owen Bonnici nnifsu.

Owen Bonnici qal, fl-istqarrija, li ftit sigħat wara l-inċident, hu kien fetaħ claim mal-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu u li hu kompletament kopert b’din il-polza. Żied li m’hemm l-ebda kwistjonijiet dwar ħlasijiet eventwali lil terzi persuni jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Iżda fl-istess stqarrija, Owen Bonnici żied li l-evalwazzjoni tal-espert mediku inkarigat mill-kumpanija tal-assikurazzjoni u l-evalwazzjoni tal-espert mediku inkarigat mill-persuna li weġġa’, m’humiex jaqblu.

Intant, fl-istqarrija, Owen Bonnici qal li wara l-inċident huwa segwa proċess penali u ġie lliberat minn kull akkuża.