Internazzjonali

Qawwiet Russi jirtiraw mis-Sirja iżda l-azzjonijiet militari se jkomplu

Il-qawwiet tar-Russja bdew jitilqu mis-Sirja sigħat wara li l-President Russu Vladimir Putin iddikjara dan il-pass meqjus bħala żvilupp sinifikanti għall-konflitt fil-pajjiż Għarbi.

Iżda filwaqt li l-Ministeru tad-Difiża Russu ħareġ filmat tal-ewwel ajruplani qed jitilqu minn bażi tal-ajru fis-Sirja, uffiċjali qalu li r-Russja, alleata tal-President Sirjan Bashar al-Assad, se tkompli xorta bl-attakki mill-ajru fuq miri fl-artijiet Sirjani.

Il-Viċi Ministru tad-Difiża Russu, Nikolay Pankov, qal li hu kmieni wisq biex wieħed jgħid li ‘t-terroristi (fis-Sirja) sfaw megħluba’ wara li l-kampanja militari ta’ pajjiżu għenet mhux ftit lill-Gvern ta’ Assad fil-konflitt li ilu għaddej ħames snin.

Numru ta’ ajruplani militari li telqu mis-Sirja issa waslu lura r-Russja anki waqt li kompla t-tieni jum ta’ taħditiet għall-paċi intiżi biex jirrisolvu l-konflitt inkwistjoni.

Waqt it-taħditiet f’Ġinevra (fl-Iżvizzera), ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Staffan de Mistura, laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tar-Russja biex tirtira l-qawwiet tal-ajru bħala waħda inkoraġġanti u sinifikanti ‘li jittamaw se jħalli impatt pożittiv għan-negozjati’.

Iżda waqt li numru sostanzjali ta’ bombers, fighters u helicopters Russi qed jirritornaw id-dar mis-Sirja, ir-Russja, fi kliem Pankov, għadha qed timpenja mijiet ta’ elementi (inklużi battaljuni) u sistemi missilistiċi ‘biex huma jibqgħu jolqtu l-faċilitajiet tat-terroristi fis-Sirja’.