Pulizija fil-Belġju qegħdin ifittxu għal talanqas żewġ irġiel armati wara li erba’ uffiċjali tal-liġi spiċċaw feruti fi sparatura. L-aħħar rapporti, intant, qalu li pulizija Franċiża qed tgħin lill-kollegi Belġjani fil-kaċċa għall-aggressuri. Fil-fatt, għadha kemm daħlet l-aħbar li raġel, mifhum bħala sieħeb tas-suspettati, spiċċa maqtul minn tiri tal-pulizija.
L-isparatura seħħet fis-sobborg ta’ Forest, qrib ta’ Brussell, bl-awtoritajiet, issa, jagħlqu t-toroq għall-inħawi. Daħlu wkoll rapporti ta’ ‘aktar sparar’ mill-inħawi, bl-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjoni mill-pulizija hi konnessa mal-attakki ta’ Novembru f’Pariġi, fejn terroristi tal-ISIS kienu qatlu 130 persuna fil-qalba tal-kapitali Franċiża.
Il-Pulizija Belġjana ilha minn dak iż-żmien tipprova ssib militanti tal-ISIS li kienu involuti fl-attakki ta’ Franza. Sadanittant, kelliema għall-Prosekutur Federali tal-Belġju kkonfermaw li ‘l-pulizija, sigħat ilu, kienu spiċċaw mira għall-isparar’ waqt tfittxija għal terroristi suspettati.
Il-Pulizija Belġjana bħalissa qed tagħmel minn kollox biex tarresta, almenu, żewġ suspettati li ħarbu minn fuq il-bjut tad-djar. L-azzjoni tal-pulizija aktar qed issir intensiva, fejn hi appoġġjata minn talanqas ħelikopter li qed idur fuq l-inħawi.
Is-Sindku ta’ Forest, Marc-Jean Ghyssels, qal li ‘żewġ persuni (suspettati) kienu ingħalqu f’residenza’, b’imkejjen oħra jsostnu li bdew jaslu dejjem aktar pulizija fiz-zona. L-istampa lokali aktar tard irrappurtat li l-pulizija ċċirkondat appartament, fejn raġel suspettat spiċċa jitlef ħajtu fost l-isparar, u biż-żewġ suspettati l-oħra ‘għadhom qed jiżgiċċaw lill-qawwiet tas-sigurtà’.
//= $special ?>