Internazzjonali

Stati Amerikani jivvutaw fil-primarji ta’ ‘Super Tuesday’ oħra

Ħames Stati Amerikani qed jorganizzaw il-primarji għall-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Il-proċess tal-votazzjoni waqt Super Tuesday oħra għandu jagħti l-opportunità lill-favoriti li jiksbu n-nomina tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan biex isaħħu l-vantaġġ fuq ir-rivali rispettivi.

Il-votazzjoni saret fl-Istati ta’ Ohio u Florida (it-tnejn meqjusa bħala stati importanti) kif ukoll f’North Carolina, Illinois u Missouri.

Dan meta Hillary Clinton, l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan u l-kandidat favorit tal-Partit Demokratiku, qed tittama li tegħleb l-isfida denja tar-rivali, Bernie Sanders, is-Senatur minn Vermont.

Sadanittant, il-biljunarju Donald Trump, li hu l-favorit għan-nomina tal-Partit Repubblikan biex jidħol għall-isfida deċiżiva għall-White House, jittama li jżid il-vantaġġ fuq ir-rivali l-oħra – is-Senatur minn Texas Ted Cruz u s-Senatur ta’ Florida Marco Rubio.

Kompliet, intant, il-kritika għal Trump, bi Clinton u Sanders jakkużawh li ‘inkoraġġixxa’ lis-sostenituri biex isawtu dimostranti waqt vjolenza li nqalgħet fi tmiem il-ġimgħa f’Chicago, fejn hu (Trump) kellu jattendi avveniment politiku.

Marco Rubio, li jinsab it-tielet fit-tellieqa bejn ir-Repubblikani, qal li jeħtieġ jirbaħ fl-istat tiegħu ta’ Florida biex jevita li Trump ‘jaħtaf’ in-nomina tal-partit.

Il-Gvernatur ta’ Ohio, John Kasich, ukoll kien qed jittama f’suċċess f’dan l-istat biex jostakola l-progress ta’ Trump.

F’każ li Rubio u Kasich jiksbu suċċess fl-istati rispettivi, ir-Repubblikani li qed jaħdmu biex iwaqqfu l-avvanzi ta’ Trump f’din il-kampanja kapaċi jqawwu qalbhom mill-ġdid li jirnexxilhom fl-iskop.