Lokali

Stħarriġ fin-negozji tal-catering juri li l-2016 se tkun aħjar mill-2015

Stħarriġ li għamlet dan l-aħħar Silver Service Recruitment fost negozji tal-catering juri li 59% ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li l-2016 se tfisser bejgħ ikbar mill-2015. 28% jaħsbu li se jkollhom l-istess bejgħ u 13% biss jaħsbu li l-2016 se tkun agħar mill-2015.

L-istess sidien ta’ negozji ġew mitluba jqabblu l-istaġun tal-Milied li għadda ma’ dak ta’ qablu u 48% qalu li l-aħħar Milied kien aħjar waqt li 33% qalu li kien fl-istess livell. Il-bqija jaħsbu li kien agħar mill-Milied ta’ qablu.

L-istħarriġ juri li l-maġġoranza tal-klijenti jonfqu inqas minn €20 kull ras meta jieklu barra. Dan ġie attribwit għal-livell tal-pagi f’Malta. Dawk li wieġbu għall-istħarriġ semmew ir-roħs fid-dawl u l-ilma li jista’ jkun li għen il-kapaċità tan-negozji li jixtru u jnaqqsu l-ispejjeż għalkemm sostnew li dan jibqa’ ta’ tħassib għall-ispejjeż tagħhom.

Fissru li l-iktar ta’ tħassib jibqa’ l-qasam tal-ħaddiema li n-nuqqas tagħhom qed iwassal għal livell baxx ta’ ħaddiema b’pagi possibilment ogħla minn dawk ta’ snin oħra. Il-kumpanija ta’ mpjiegi qalet li jidher li dawk li jħaddmu ma jħarsux lejn il-possibiltà ta’ ħaddiema minn barra minn Malta għalkemm semmiet ukoll il-burokrazija bħala ta’ tħassib għan-negozji flimkien mal-MEPA li taqtagħlhom qalbhom biex ikomplu jinvestu.

Intqal ukoll li tħassib komuni minn dan is-settur kien is-sentiment li mhumiex rappreżentati biżżejjed mill-korpi kostitwiti biex iressqu l-interessi tagħhom mal-awtoritajiet.